Web Analytics Made Easy - Statcounter

See also ebooksgratis.com: no banners, no cookies, totally FREE.

CLASSICISTRANIERI HOME PAGE - YOUTUBE CHANNEL
Privacy Policy Cookie Policy Terms and Conditions
Cristiano Ronaldo - Wikipedija

Cristiano Ronaldo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Cristiano Ronaldo
Informazzjoni personali
Isem sħiħ Cristiano Ronaldo Santos Aveiro
Nazzjonalità Portugall
Data tat-twelid 5 ta' Frar, 1985
Post tat-twelid Funchal, Madeira
Tul 185 ċm
Rwol Midfielder, Attakkant
Informazzjoni fuq il-klabb
Klabb kurrenti Manchester United
Numru 7
Klabbs Ġovanili
1993–1995
1995–1997
1997–2001
CF Andorinha
CD Nacional
Sporting CP
Klabbs Professjonali*
Staġun Klabb App (Gwl)
2001–2003
2003–
Sporting CP
Manchester United
25 (3)
156 (60)
Tim Nazzjonali**
2003– Portugall 54 (20)

* Apparenzi u gowls minn kull klabb
fil-kampjonat nazzjonali u
l-kompetizzjonijiet nazzjonali.
** Apparenzi u gowls għat-tim nazzjonali
f'logħob uffiċċjali.

Cristiano Ronaldo dos Santos Aveiro (twieled fil-5 ta' Frar 1985[1]), magħruf aħjar bħala Cristiano Ronaldo, huwa plejer tal-futbol Portugiż li jilgħab mat-tim Ingliż ta' Manchester United u mat-tim nazzjonali tal-Portugall. Ma' Manchester United, Ronaldo primarjament jilgħab fil-ġwejnħa leminija.[2] Hu kien użat ukoll fir-rwol ċentrali ta' l-attakk u bħala t-tieni attakkant.

Werrej

[editja] Bijografija

Ronaldo twieled f'Madeira, il-Portugall, minn Maria Dolores dos Santos Aveiro u José Dinis Aveiro. Hu għandu tliet aħwa; ħuh ikbar minnu, Hugo u żewġ ħutu, Elma u Liliana Cátia. Din ta' l-aħħar taħdem bħala kantanta taħt l-isem ta' "Ronalda" fil-Portugall. Hi miżżewġa ma' José Pereira u għandhom tifel jismu Rodrigo. It-tieni isem ta' Cristiano huwa Ronaldo, li huwa isem rari fil-Portugall. Il-ġenituri tiegħu semmewh wara l-President ta' l-Istati Uniti, Ronald Reagan.[3]

[editja] Karriera

[editja] Bidu tal-karriera

Huwa beda jilgħab il-futbol ta' tliet snin, u meta beda l-iskola primarja meta kellu sitt snin, il-passjoni għall-isports kienet ovvja. It-tim favorit tiegħu meta kien żgħir kien SL Benfica, alavolja wara ngħaqad mar-rivali tat-tim, Sporting Lisbon. Huwa l-ewwel beda jilgħab ma' Andorinha, meta kellu tmien snin. Sa l-1995, meta huwa kellu għaxar snin, ir-reputazzjoni tiegħu fil-Portugall bdiet tikber. Iż-żewġ timijiet ta' Madeira, CS Marítimo u CD Nacional kienu nteressati biex iġibuh fit-tim. Marítimo, l-ikbar tim, tilef laqgħa mportanti u b'hekk Ronaldo sar plejer ta' Nacional. Wara huwa mar tliet ijiem ta' prova ma' Sporting Lisbon u ttrasferixxa mat-tim.[4]

[editja] Sporting Lisbon

Huwa għamel id-debutt ma' Sporting kontra Moreirense u skorja doppjetta. Huwa kien parti mit-tim tal-Portugall ta' taħt id-dsatax-il sena li kkompeta għall-Kampjonat tal-UEFA. Il-prestazzjoni tiegħu f'dan il-kampjonat, kabbret il-reputazzjoni ta' dan il-plejer. Il-kowċ ta' Liverpool FC, Gérard Houllier, kien interessa f'dan il-plejer imma wara Liverpool ma kisbux il-plejer minħabba li huma riedu plejer ta' ċerta esperjenza. Fis-sajf ta' l-2003, meta Sporting rebħu lil Manchester United 3-1 fl-inawgurazzjoni tal-grawnd Alvalade XXI f'Lisbona, Alex Ferguson tefa' għajnu fuq Ronaldo. Ronaldo wera li għandu l-abilità li jilgħab fiż-żewġ naħat tal-grawnd. Wara l-logħba, il-plejers ta' Manchester United tkellmu b'entużjażmu fuq dan il-talent iż-żgħir, u xtaquh li jkun magħhom fit-tim.

[editja] Manchester United

Ronaldo jilgħab ma' Manchester United
Ronaldo jilgħab ma' Manchester United

Wara t-tluq ta' David Beckham minn ma' Manchester United għal ma' Real Madrid, Ferguson ġab lill-plejer Portugiż għal somma ta' £12.24 miljun.[5] Huwa għamel id-debutt tiegħu kontra Blackburn Rovers bħala sostitu fis-60 minuta. United kienu 1-0 minn fuq, u bi ftit minuti fil-grawnd Ronaldo kiseb penalty li minnu Rudd van Nistelrooy ra lil Jussi Jääskeläinen isalvah. Dan ma affetwax ir-riżultat, hekk kif il-partita spiċċat 4-0 favur it-tim minn Old Trafford. Ronaldo kien mogħti n-numru 7, numru li kien mogħti lill-uħud mill-aqwa plejers ta' Manchester United bħal George Best, Bryan Robson, Eric Cantona u David Beckham. Ronaldo l-ewwel ried in-numru 28 li kien jilgħab bih ma' Sporting, minħabba li forsi ħafna jistennew ħafna minnu minħabba dan in-numru.[6] Huwa beda jilgħab ma' Manchester United fiż-żewġ naħat tal-grawnd, u kienu wkoll it-tieni attakkant tal-United.

Fl-2006, kien hemm diskursata bejnu u bejn Ruud van Nistelrooy dwar il-pożizzjonijiet tagħhom fit-tim. Minkejja dan, Ronaldo iffirma kuntratt li se jħalli lil Ronaldo sa l-2010 ma' Manchester United. Ronaldo qali li United qagħdu warajh u hu jixtieq li jħallashom lura. Ronaldo kellu okkażżjonalment problemi minħabba t-temperament tiegħu fil-grawnd. Hu kienu muri l-karta l-ħamra kontra Manchester City u rċieva sospensjoni ta' partita mill-UEFA minħabba ġest li wettaq fil-partita kontra Benfica f'partita miċ-Champions League f'Diċembru 2005. Waqt li kien qed jilgħab għall-Portugall hu kien muri l-karta s-safra kontra l-Lussemburgu minħabba li qabad li Jeff Strasser minn għonqu wara li l-istess Strasser kien daħal fuqu biex jikseb il-ballun. Felipe Scolari kien wissa lil Ronaldo biex iżomm lit-temperament minħabba t-Tazza tad-Dinja.

Fid-29 ta' Ottubru 2005, Ronaldo skorja l-1000 gowl ta' Manchester United fil-Premier League, fit-telfa ta' 4-1 kontra Middlesbrough. Huwa skorja doppjetta f'żewġ partiti konsekuttivi; żewġ gowls kontra Fulham f'daru u darbtejn oħra fi Fratton Park u skorja wkoll fil-partita kontra Wigan Athletic biex talla' l-kwota ta' 8 gowls fil-Premier League. Fis-26 ta' Frar 2006, Ronaldo lagħab fil-finali tal-Carling Cup kontra Wigan fil-Millenium Stadium f'Cardiff u skorja biex talla' l-kwota ta' 10 gowls fl-istaġun. Huwa ngħata l-unur tal-"FIFPro Special Young Player of the Year" fl-2005, unur ivvutat mill-benjamini. Huwa rċieva l-istess unur is-sena ta' wara. Huwa kien spiċċa l-20 post fil-klassifika tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA fl-2005.

Fl-istaġun 2007-08, fil-partita kontra Portsmouth huwa ngħata l-karta ħamra wara li allegatament, hu kien ngħata daqqa ta' ras lil Richard Hughes, biex tagħtu sospensjoni ta' tliet partiti. Wara l-partita, Sir Alex Ferguson qal li Ronaldo kien mgħajjar minn Hughes u li l-Portugiż waqa' fin-nasba. Fl-ewwel partita wara s-sospensjoni fiċ-Champions League huwa skorja l-uniku gowl fil-partita kontra Sporting Lisbon, li kien it-tim li fih trabba. Wara li skorja huwa għamel sinjal ta' apoloġija lill-benjamini kollha ta' Sporting. Huwa skorja l-ewwel gowl fil-Premier League kontra Birmingham wara li ħataf l-okkażżjoni minn żball ta' Franck Queudrue biex kiseb il-gowl tar-rebħa għat-tim ta' Manchester United. Huwa kompla jiskorja l-gowls, meta kontra Wigan Athletic huwa skorja doppjetta fir-rebħa ta' 4-0 li kellhom United. B'hekk huwa tella' kwota ta' 4 gowls f'9 apparenzi. Huwa kkontribwixxa għal tliet tliet gowls fiż-żewġ partiti li ntlagħbu kontra Dynamo Kiev, gowl kontra Arsenal FC u doppjetta kontra Blackburn Rovers. Huwa skorja wkoll il-gowl tar-rebħa fil-ħin miżjud kontra Sporting Lisbon, biex ta lil Manchester United l-ewwel post fil-klassifika.[7] Fit-2 ta' Diċembru 2007, Ronaldo kien uffiċċjalment imħabbar bħala t-tieni l-aqwa Plejer Ewropew tas-Sena, wara l-Brażiljan Kaká.

Ronaldo skorja żewġ gowls kontra Fulham.[8] Huwa spiċċa fit-tielet post tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA wara Kaká u Lionel Messi.[9] Ronaldo falla penalty fil-partita li United tilfu kontra West Ham United, fejn Ronaldo kien skorja l-uniku gowl ta' Manchester United. Ronaldo skorja l-ewwel tripletta għal Manhester United nhar it-12 ta' Jannar 2008, fir-rebħa ta' 6-0 kontra Newcastle United f'Old Trafford. Fil-partita ta' wara hu skorja ż-żewġ gowls li bihom taw rebħa lil Manchester United kontra Reading FC[10], fejn b'hekk tella' total ta' 23 gowl fl-istaġun. Il-UEFA qed tinvestiga inċident qabel il-logħba taċ-Champions League konta Olympique Lyon nhar l-20 ta' Frar 2008, fejn Ronaldo ġie milqut minn lejżer.[11]

Xi ġranet wara, nhar id-19 ta' Marzu 2008, Ronaldo rnexxielu jegħleb ir-rekord ta' George Best li kien ilu aktar minn 40 sena ma jingħeleb hekk kif sar l-aktar midfielder ta' Manchester United li skorja fi staġun. Best skorja 32 darba fl-istaġun 1967-68. Fil-logħba kontra Bolton Wanderers li ntlagħbet f'Old Trafford, Ronaldo skorja darbtejn fir-rebħa ta' 2-0 ta' United, fejn it-tieni wieħed ġie direttament minn freekick, biex b'hekk tella' 33, in-numru ta' gowls għall-istaġun.[12] Fid-9 ta' April 2008, kien rappurat li Real Madrid iddeċidew li joffru lil Manchester United rekord mondlai ta' £100 miljun għal Cristiano Ronaldo, somma li ma kinitx aċċettata mill-klabb.[13]. Fil-11 ta' Mejju 2008, ROnaldo skorja minn penalty kontra Wigan Athletic fit-33 minuta biex tella' n-numru ta' gowls ta' dak l-istaġun għal 41, fejn 31 minnhom fil-Premier League. Ronaldo skorja l-uniku gowl ta' United fil-ħin normali fil-finali tal-UEFA Champions League 2007-08, biex tella' n-numru ta' gowls għal 42 gowl, fejn irnexxielu jasal biss żewġ gowls 'il bogħod mir-rekord ta' 44 gowl ta' Ruud Van Nistelrooy lura fl-2002/03. Minkejja li tilef il-penalty waqt l-għoti tal-penalties, Manchester United rebħu 6-5 bil-penalties biex komplew id-double tal-Premier League u Champions League.

[editja] Internazzjonali

Ronaldo għamel id-debutt internazzjonali f'Awwissu 2003, kontra l-Każakistan. Huwa skorja l-unika gowl tal-Portugall fit-telfa ta' 2-1 kontra l-Greċja fil-partita tal-ftuħ tal-Kampjonati Ewropej tas-sena 2004, u anki l-ewwel gowl tas-semi-finali kontra l-Olanda, meta l-Portugall rebħet 2-1. Il-finali rat għat-tieni darba f'dik l-edizzjoni lill-Portugall jiltaqgħu mal-Greċja fejn għal darb'oħra l-Griegi ħarġu rebbieħa.

Ronaldo rrappreżenta lill-Portugall fl-Olimpjadi tas-Sajf ta' l-2004, u kien it-tieni l-aqwa skorer fiż-żona Ewropeja waqt il-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2006 b'7 gowls. Sas-17 ta' Ġunju 2005, huwa skorja 11-il gowl f'25 apparenza għall-pajjiż.[14]

Ronaldo skorja l-ewwel gowl personali fit-Tazza tad-Dinja kontra l-Iran minn penalty.[15] Fil-fażi ta' l-Aħħar Sittax, huwa ħalla lit-tim Portugiż 1-0 fil-vantaġġ kontra l-Olanda minħabba xi uġiegħ wara li Khalid Boulahrouz għamel daħla fuqu.[16]

Ronaldo kien captain tat-tim Portugiż f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Brażil fis-6 ta' Frar 2007, f'għeluq it-22 sena. Ronaldo skorja tmien gowls fil-fażi ta' kwalifikazzjoni tal-Portugall għall-Kampjonati Ewropej 2008.[17]

[editja] Inċident fit-Tazza tad-Dinja

Fit-8 ta' Lulju 2006, waqt il-logħba bejn l-Ingilterra u l-Portugall fil-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja 2006, Wayne Rooney ġie muri l-karta l-ħamra wara daħla fuq Ricardo Carvalho. Skond il-media Ingliża Ronaldo kien influwenza d-deċiżjoni tar-referì billi qgħad jilmenta. Ronaldo qal li Rooney kien ħabibu u li ma kienx qed jipprova jkeċċieh mil-logħba. Rooney min-naħa l-oħra rrisponda li hu kien iddiżappunt li Ronaldo involva ruħu fis-sitwazzjoni.[18]

Kien hemm xi spekulazzjonijiet li Ronaldo kien se jimxi għal xi klabb ieħor fejn hu xtaq li jingħaqad ma' Real Madrid.[19] L-assistent kowċ ta' Manchester United, Carlos Queiroz tkellem ma' Ronaldo fil-Portugall u dan irnexxielu jikkonvinċi lill-plejer biex jibqa' mat-tim ta' United, fejn anki Rooney xtaq li l-plejer Portugiż jibqa'. Ronaldo iffirma kuntratt ġdid ta' ħames snin oħra ma' Manchester United xi xhur wara.[20]

Huwa tilef l-unur tal-FIFA ta' l-Itjeb Plejer Żgħażugħ ta' l-edizzjoni, il-biċċa l-kbira minħabba xi e-mails[21] li ntbagħtu minn xi benjamini Ingliżi. Lukas Podolski rebaħ dan l-unur minfloku.[22]

[editja] Statistika tal-karriera

Klabb Staġun Kampjonat Domestiku Tazza Domestika Kompetizzjoni Ewropeja Total
App Gowls Assts App Gowls Assts App Gowls Assts App Gowls Assts
Sporting CP 2002-03 25 3 - - - - - - - 25 3 -
Total 25 3 - - - - - - - 25 3 -
Manchester United 2003-04 29 4 4 6 2 0 5 0 - 40 6 4
2004-05 33 5 4 9 4 - 8 0 - 50 9 4
2005-06 33 9 6 6 2 1 8 1 0 47 12 7
2006-07 34 17 14 8 3 1 11 3 5 53 23 20
2007-08 34 31 7 3 3 - 11 8 1 48 42 8
Total 161 66 34 32 14 2 43 12 6 238 92 43
Total fil-Karriera 186 69 34 35 16 2 46 12 6 268 97 43

(Korretti sal-21 ta' Mejju 2008)

[editja] Unuri

[editja] Klabb

Manchester United

[editja] Individwali

  • PFA Plejer tas-Sena (skond il-plejers): 2007
  • PFA L-Iżgħar Plejer tas-Sena: 2007
  • PFA Plejer tas-Sena (skond il-benjamini): 2007
  • PFA Tim tal-Premiership tas-Sena: 2005-2006, 2006-2007
  • Unur mill-Football Writers' Association: 2007
  • Barclays Plejer ta' l-Istaġun: 2006-2007
  • Barclays Plejer tax-Xahar: Novembru 2006, Diċembru 2006
  • PFA Plejer tax-Xahar (skond is-supporters): Ottubru 2006, Frar 2007
  • FIFPro L-Iżgħar Plejer tas-Sena: 2005, 2006
  • Personalita Sportiva Portugiża: 2006
  • Futboler tas-Sena tal-Portugall: 2007
  • Sir Matt Busby Plejer tas-Sena: 2006-2007
  • Manchester United Plejer tas-Sena (skond il-plejers): 2006-2007
  • FIFPro World XI: 2006-2007
  • UEFA Tim tas-Sena: 2004, 2007
  • Tim tal-kampjonat tal-Kampjonati Ewropej 2004
  • FIFA World Cup All-Star Team: 2006

[editja] Referenzi

  1. Profil ta' Cristiano Ronaldo
  2. Bijografija ta' Ronaldo fuq manutd.com, manutd.com (30-11-2007)
  3. Ronaldo set to shine, BBC Sport (17-10-2007)
  4. Profil ta' Ronaldo fuq about.com, about.com
  5. Ronaldo, Sky Sports (18-06-2007)
  6. I never wanted the No7 shirt, The Sun (16-04-2007)
  7. Thompson, Gemma. Manchester Utd 2-1 Sporting Lisbon, BBC Sport (04-12-2007)
  8. Manchester Utd 2-0 Fulham, BBC Sport (04-12-2007)
  9. Ronaldo:Going the right way, fifa.com (18-12-2007)
  10. Manchester Utd 2-0 Reading, bbc.co.uk (20-01-2008)
  11. UEFA asked to probe Ronaldo laser incident, cnn.com (21-02-2008)
  12. Kay, Oliver. Cristiano Ronaldo revels in role of Captain Fantastic as United stretch lead, The Times (20-03-2008)
  13. Acedo, Francisco. "Reports claim record Ronaldo bid", Sky Sports (09-04-2008)
  14. Profil ta' Ronaldo, 4thegame.com
  15. Portugall vs Iran, fifa.com
  16. Portugall vs Olanda, fifa.com
  17. Top scorers for Euro 2008 European Qualifying campaign, soccernet.com
  18. Matt Barlow. Rooney Thanks Team-mates, Sporting Life (06-07-2007)
  19. Ronaldo mistenni li jerħi lil Manchester, BBC Sport (08-07-2006)
  20. Ronaldo signs new deal at Man Utd, BBC Sport
  21. Supporters 'hijack' Ronaldo vote, BBC (06-07-2006)
  22. Podolski beats Ronaldo to award, BBC Sport (10-04-2007)

[editja] Ħoloq Oħra

Commons
Fil-Wikimedia Commons hemm iktar files multimedjali relatati ma':
Wikiquote
Fil-Wikiquote hemm kollezzjoni ta' kwotazzjonijiet relatati ma':
Manchester United – skwadra kurrenti
1 van der Sar2 Neville3 Evra4 Hargreaves5 Ferdinand • 6 Brown • 7 Ronaldo8 Anderson9 Saha • 10 Rooney • 11 Giggs • 12 Foster13 Park • 15 Vidić16 Carrick • 17 Nani18 Scholes • 21 Dong22 O'Shea23 Evans • 24 Fletcher27 Silvestre • 29 Kuszczak32 Tévez • 33 Eagles38 Heaton • 47 Wellbeck • Kowċ: Sir Alex Ferguson


aa - ab - af - ak - als - am - an - ang - ar - arc - as - ast - av - ay - az - ba - bar - bat_smg - bcl - be - be_x_old - bg - bh - bi - bm - bn - bo - bpy - br - bs - bug - bxr - ca - cbk_zam - cdo - ce - ceb - ch - cho - chr - chy - co - cr - crh - cs - csb - cu - cv - cy - da - de - diq - dsb - dv - dz - ee - el - eml - en - eo - es - et - eu - ext - fa - ff - fi - fiu_vro - fj - fo - fr - frp - fur - fy - ga - gan - gd - gl - glk - gn - got - gu - gv - ha - hak - haw - he - hi - hif - ho - hr - hsb - ht - hu - hy - hz - ia - id - ie - ig - ii - ik - ilo - io - is - it - iu - ja - jbo - jv - ka - kaa - kab - kg - ki - kj - kk - kl - km - kn - ko - kr - ks - ksh - ku - kv - kw - ky - la - lad - lb - lbe - lg - li - lij - lmo - ln - lo - lt - lv - map_bms - mdf - mg - mh - mi - mk - ml - mn - mo - mr - mt - mus - my - myv - mzn - na - nah - nap - nds - nds_nl - ne - new - ng - nl - nn - no - nov - nrm - nv - ny - oc - om - or - os - pa - pag - pam - pap - pdc - pi - pih - pl - pms - ps - pt - qu - quality - rm - rmy - rn - ro - roa_rup - roa_tara - ru - rw - sa - sah - sc - scn - sco - sd - se - sg - sh - si - simple - sk - sl - sm - sn - so - sr - srn - ss - st - stq - su - sv - sw - szl - ta - te - tet - tg - th - ti - tk - tl - tlh - tn - to - tpi - tr - ts - tt - tum - tw - ty - udm - ug - uk - ur - uz - ve - vec - vi - vls - vo - wa - war - wo - wuu - xal - xh - yi - yo - za - zea - zh - zh_classical - zh_min_nan - zh_yue - zu -