Web Analytics Made Easy - Statcounter

See also ebooksgratis.com: no banners, no cookies, totally FREE.

CLASSICISTRANIERI HOME PAGE - YOUTUBE CHANNEL
Privacy Policy Cookie Policy Terms and Conditions
Premier League - Wikipedija

Premier League

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Premier League
Staġun jew edizzjoni attwali Premier League 2007-08
Dixxiplina:  Futbol
Fundazzjoni:  1992
Titlu:  Ċampjin ta' l-Ingilterra
Ftuħ:  Awissu
Parteċipanti:  20 skwadra
Kadenza:  Annwali
Konfederazzjoni:  Football Association
Nazzjon:  Bandiera ta' l-Ingilterra Ingilterra
Ċampjin:  Manchester United
Sit elettroniku:  premierleague.com

Il-Premier League (magħruf uffiċċjalment bħala l-Barclays Premier League), hu kampjonat professjonali tal-futbol għall-klabbs li jinsabu fl-ogħla diviżjoni fil-futbol Ingliż. Hu fost l-iktar kampjonati sportivi segwiti fid-dinja u l-iktar kampjonat ta' profit.

Il-kompetizzjoni kienet ifformata bħala FA Premier League fl-20 ta' Frar 1992 u l-ewwel logħob kienu ntlagħbu fil-15 ta' Awissu ta' dik is-sena, wara d-deċiżjoni ta' klabbs fl-Ewwel Diviżjoni biex jinfirdu mill-Football League biex jieħdu vantaġġ ta' drittijiet tat-televiżjoni; il-Football League kien serva bħala l-ewwel kompetizzjoni tal-futbol ta' l-Ingilterra u Wales mill-1888. Minn dakinhar 'l hawn, il-Premier League sar l-aktar kampjonat sportiv li hu segwit[1] u l-aktar kampjonat tal-futbol ta' qligħ b'introjtu ta' £1.4 biljun fl-2005-06, u hu mistenni li jitla' għal madwar £1.8 biljun fl-2007-08.[2]

Total ta' 40 klabb ikkompetew fil-Premier League, imma erba' biss rebħu dan it-titlu: Manchester United, Blackburn Rovers, Arsenal u Chelsea. Iċ-ċampjin kurrenti tal-Premier League huma Manchester United, li rebħu d-disa' titlu fl-istaġun 2006-07, l-aktar minn ebda tim tal-Premier League.

Werrej

[editja] Storja

[editja] Oriġini

Is-snin tmenin immarkaw żmien ħażin għall-futbol Ingliż. Il-grawnds kienu fi stat ħażin, il-benjamini kellhom faċilitajiet ħżiena, il-vandali kienu fl-aqwa tagħhom, u l-klabbs Ingliżi kienu sospiżi mill-kompetizzjonijiet Ewropej wara l-ġrajja ta' Heysel fl-1985.[3] L-Ewwel Diviżjoni tal-Football League kienet 'il bogħod mil-livell tas-Serie A Taljana u La Liga Spanjola f'dak li għandu x'jaqsam l-attendenzi u affarijiet oħra; ħafna plejers Ingliżi kienu telqu mill-Ingilterra biex jilgħabu barra. Madanakollu, il-folja nqalbet ma' l-1990; l-Ingilterra għamlet suċċess fit-Tazza tad-Dinja 1990, fejn laħqet is-semi-finali. Il-UEFA ssospendiet is-sospensjoni fl-1990 u t-"Taylor Report" dwar is-sigurtà tal-grawnds, ippropona żvilupp fil-grawnds. Dan ġie ppublikat f'Jannar ta' dik is-sena.[4]

Il-flus mit-televiżjoni kien beda jkun importanti; il-Football League rċeviet biss £6.3 miljun għal ftehim ta' sentejn fl-1986, imma meta l-ftehim reġa sar fl-1988, il-prezz tela' għal £44 miljun għal erba' snin. Hekk kif il-grawnds saru aħjar, l-attendenza żdiedet u ħafna klabbs kbar ikkunsidraw jekk jitilqux il-Football League biex b'hekk ikabbru l-influss ta' flus.

[editja] Fundazzjoni

F'għeluq ta' l-istaġun 1991, proposta ta' stabbiliment ta' kampjonat ġdid kienet ideata li se ġġib aktar flus. Il-Ftehim tal-Membri Fundatarji, iffirmat fis-17 ta' Lulju 1991 mit-timijiet ta' l-aqwa serje, stabbilixxew il-prinċipji bażiċi biex issir l-FA Premier League.[5] L-aqwa diviżjoni li kienet għadha kemm ġiet fundata kien se jkollha independenza kummerċjali mill-Football Association u l-Football League, fejn jagħti lill-FA Premier League il-liċenzja li tinnegozja ix-xandar tagħha u ftehim ta' sponsorizazzjoni. Din kienet ikkunsidrata bħala neċessarja biex klabbs Ingliżi jistgħu għal darb'oħra jikkompetu u jirbħu lill-aqwa ta' l-Ewropa, waqt li jattiraw l-aqwa talent tad-dinja, xi ħaġa li fl-1991 kienet pratikkament impensabbli.[6]

Fl-1992, il-klabbs tal-First Division irriżenjaw mill-Football League u fis-27 ta' Marzu 1992, l-FA Premier League kienet iffurmata bħala kumpanija li kienet limitata għal uffiċċju sakemm imxew għall-kwartieri ġenerali f'Lancaster Gate.[6] Dan kien ifisser separazzjoni tal-Football League li kienet ilha sservi bl-erba' diviżjonijiet tagħha għal 104 sena; il-Premier League kienet se topera b'diviżjoni waħda u l-Football League bi tlieta. Ma kienet l-ebda tibdil fil-format tal-kompetizzjoni; l-istess numru ta' timijiet li jikkompetu fl-aqwa serje, u promozzjoni u relegazzjoni bejn il-Premier League u l-First Division il-ġdida baqgħet l-istess bħala l-First u s-Second Division l-antiki.

It-22 membri inawgurali tal-Premiership kienu Arsenal, Aston Villa, Blackburn Rovers, Chelsea, Coventry City, Crystal Palace, Everton, Ipswich Town, Leeds United, Liverpool, Manchester City, Manchester United, Middlesbrough, Norwich City, Nottingham Forest, Oldham Athletic, Queens Park Rangers, Sheffield United, Sheffield Wednesday, Southampton, Tottenham Hotspur, u Wimbledon FC.

[editja] Stabbiliment

Sa l-2007 kien hemm 15-il staġun komplut tal-Premier League. L-ewwel staġun tal-kampjonat sar fl-1992-93 u oriġinarjmanet kien kompost minn 22 klabb. L-ewwel gowl mill-Premiership sar minn Brian Deane ta' Sheffield United f'rebħa ta' 2-1 kontra Manchester United. Wara l-insistenza mill-FIFA, in-numru ta' timijiet naqas għal għoxrin fl-1995 meta erba' timijiet kienu relegati u tnejn biss promossi. Fit-8 ta' Ġunju 2006, il-FIFA xtaqet li kull kampjonat kbir fl-Ewropa, li jinkludi wkoll is-Serie A Taljana u La Liga Spanjola, in-numru ta' timijiet ikun ta' tmintax mal-bidu ta' l-istaġun 2007-08. Il-Premier League ħabbret l-intenzjoni li tirreżisti l-idea tan-nuqqas ta' timijiet.[7] L-istaġun 2007-08, fl-aħħar beda b'20 tim. Il-kampjonat biddel ismu minn FA Premier League għal sempliċiment Premier League fl-2007.[8] F'dan l-istess staġun kien hemm diskussjoni dwar jekk ikunx hemm id-39 logħba, fejn din tintlagħab barra mill-Ingilterra.[9]

[editja] Struttura

Il-Premier League hu operat bħala korporattiva li hu ppossedut mill-għoxrin klabb. Kull klabb hu kkunsidrat bħala azzjonista b'vot kull wieħed fuq regoli li jkunu se jinbidlu u kuntratti. Il-klabbs jeleġġu ċ-ċermen, iċ-ċif eżekuttiv, u l-bord tad-diretturi biex jieħdu ħsieb l-operazzjonijiet ta' kuljum dwar il-kampjonat.[10] Il-Football Association mhux involuta direttament fl-operazzjonijiet tal-Premier League, però għandha poter bħala azzjonista speċjali matul l-elezzjonijiet tal-pożizzjonijiet għoljin u meta regoli ġodda jiġu introdotti.

Il-Premier League jibgħat repreżentattivi għall-Forum tal-Klabbs Ewropej tal-UEFA. Dan il-forum huwa responsabbli biex jeleġġi tliet membri għall-Kumitat tal-Kompetizzjonijiet għall-klabbs tal-UEFA, li hi involuta fl-operazzjonijiet tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA bħaċ-Champions League u t-Tazza UEFA.[11]

[editja] Plejers

Fil-bidu ta' l-FA Premier League 1992-93, ħdax-il plejer biss li kienu msemmijin fl-ewwel ħdax tat-timijiet mill-ewwel rawmd kienu barranin (plejers barra mir-Renju Unit u mir-Repubblika Irlandiża). Fl-istaġun 2000-01, in-numru ta' barranin li kienu qed jieħdu sehem fil-Premier League kienu 36%. Fl-istaġun 2004-05 in-numru żdied għal 45%. Fis-26 ta' Diċembru 1999, Chelsea sar l-ewwel tim fil-Premier League li fl-ewwel ħdax tal-partita kienu kollha barranin, u fl-14 ta' Frar 2005 Arsenal kienu l-ewwel biex sejħu sittax-il plejer għal logħba, kollha jkunu ta' nazzjonalità barranija. L-ebda kowċ Ingliż ma rebaħ il-Premier League; erba' kowċis li rebħu dan it-titlu huma żewġ Skoċċiżi (Sir Alex Ferguson - Manchester United, disa' rebħiet; Kenny Dalgish - Blackburn Rovers, rebħa waħda), Franċiż (Arsène Wenger - Arsenal, tliet rebħiet) u Portugiż (José Mourinho - Chelsea, żewġ rebħiet).

Fl-1999 il-Home Office saħħet aktar ir-regoli biex il-plejers li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea, ikollhom permess biex jilgħabu.[12] Kurrentament, plejer li mhux ġej miż-żona ta' l-Unjoni Ewropea jrid ta' l-anqas ikun lagħab għall-pajjiżu ta' l-anqas 75% mil-logħob kompetittiv tat-tim u li jkun ilu parti mit-tim sentejn. Pajjiżu jrid ikun ikklassifika f'medja ta' l-inqas mis-70 post fir-rankings mondjali tal-FIFA f'dawk l-aħħar sentejn. Jekk plejer ma' jilħaqx dawn il-kriterji, il-klabb li jkun se jieħu s-servizzi tiegħu jistgħu jappellaw jekk jemmnu li hu talent speċjali u li jkollu s-saħħa biex jikkontrubwixxi sinjifikament għall-iżvilupp tal-logħba fir-Renju Unit.[13]

Aktar minn 260 plejer barrani jilgħabu fil-kampjonat, u 101 plejer li jilagħbu fil-kampjonat Ingliż ikkompetew fit-Tazza tad-Dinja 2002 fil-Korea u l-Ġappun. Fit-Tazza tad-Dinja 2006 fil-Ġermanja, il-Premier League kien l-aktar kampjonat rappreżentat b'aktar minn tmenin plejer fil-kompetizzjoni, inklużi wkoll 21 tat-23 plejer fl-iskwadra Ingliża.

[editja] Trasferimenti rekord

L-ewwel ftit staġuni tal-Premier League raw trasferimenti rekord li kull staġun jiksru r-rekords preċidenti, bis-seklu 21 jipprovdi aktar rekords. Qabel il-bidu ta' l-ewwel staġun tal-Premier League, Alan Shearer sar l-ewwel plejer Brittaniku li nxtara għal aktar minn £3 miljun.[14] Dan ir-rekord mal-ewwel tela' ma' l-ewwel ftit staġuni tal-Premier League, sakemm Alan Shearer għamel rekord dinji meta ngħaqad ma' Newcastle United għal somma ta' £15-il miljun fl-1996.[14] Dan kien rekord Brittaniku għal erba' snin sakemm Leeds United ħallsu £18-il miljun lil West Ham għall-akkwist ta' Rio Ferdinand.[14] Manchester United sussegwentament kissru r-rekord tliet darbiet bl-akkwisti ta' Ruud van Nistelrooy, Juan Sebastián Verón u Rio Ferdinand.[15][16] Sa l-2007, ir-rekord hu f'idejn Andry Shevchenko, li ngħaqad ma' Chelsea minn AC Milan f'Mejju 2006. Il-figura eżatta ma kinitx pubblikata, imma hi rappurtata li hi madwar it-£30 miljun.[17]

[editja] Timijiet

Total ta' erbgħin klabb ħadu sehem fil-Premier League bejn l-1992 u l-2006. Żewġ klabbs oħra (Luton Town u Notts County) kienu iffirmaw kuntratt mal-Premier League u li kienu ristretti bih, imma spiċċaw relegati qabel l-inawgurazzjoni ta' l-istaġun tal-Premiership u minn dak iż-żmien qatt ma reġgħu telgħu f'din l-ogħla diviżjoni.

Seba' klabbs ilhom membri tal-Premiership mill-bidu tagħha u komplew l-istaġuni kollha (15). Dan il-grupp jikkonsisti minn Arsenal, Chelsea, Everton, Liverpool, Manchester United u Tottenham Hotspur.

[editja] Timijiet ta' l-istaġun 2007-08

  • Arsenala,b
  • Aston Villaa,b
  • Birmingham City
  • Blackburn Roversa
  • Bolton Wanderers
  • Chelseaa,b
  • Derby County
  • Evertona,b
  • Fulham
  • Liverpoola,b
  • Manchester Citya
  • Manchester Uniteda,b
  • Middlesbrougha
  • Newcastle United
  • Portsmouth
  • Reading
  • Sunderland
  • Tottenham Hotspura,b
  • West Ham United
  • Wigan Athletic

a = Membri fundatarji tal-Premier League
b = Lagħbu f'kull edizzjoni tal-Premier League

[editja] L-Aqwa skorers

Plejers fil-Premier League jistgħu jikkompetu għall-kompetizzjonijiet informali tal-Gowl tax-Xahar u l-Gowl ta' l-Istaġun. Titli oħra li plejers jista' jikkompetu għalih jinkludu l-aqwa skorer ta' l-istaġun. L-attakkant ta' Blackburn Rovers u Newcastle United Alan Shearer iżomm ir-rekord ta' l-aktar gowls fil-Premiership b'total ta' 260 gowl. Shearer spiċċa għal għaxar darbiet minn erbatax-il staġun fost l-għaxra l-aqwa skorer tal-Premier League u rebaħ it-titlu ta' l-iktar skorer tliet darbiet. Matul l-istaġun 1995-96 hu sar l-ewwel plejer li skorja 100 gowls fil-Premier League.[18]

Mill-ewwel staġun tal-Premier League fl-1992-93, ħdax-il plejer rebħu jew qasmu t-titlu ta' l-aktar skorers. Thierry Henry rebaħ erba' titli (tliet darbiet konsekuttivi) b'total ta' 27 gowl fl-istaġun 2005-06. Din għaddiet it-tliet titli ta' Shearer. Rebbieħa oħra jinkludu Michael Owen u Jimmy Floyd Hasselbaink li rebħu żewġ titli kull wieħed. Andrew Cole u Alan Shearer iżommu r-rekord ta' l-aktar gowls fi staġun (34) - għal Newcastle United u Blackburn Rovers rispettivament. Ir-rekord ta' Cole ġie fl-1993-94 waqt li ta' Shearer wasal fl-istaġun ta' wara. Il-marka ta' Shearer ta' 31 gowl fl-1995-96 tibqa' fost l-aktar minn staġun ta' 38 logħba.[19]

Manchester United saru l-ewwel tim li skorjaw 1,000 gowl fil-kampjonat meta Cristiano Ronaldo skorja, f'telfa ta' 4-1 kontra Middlesbrough fl-istaġun 2005-06. Lejn l-għeluq ta' l-istaġun 2006-07, żewġ plejers kellhom l-unur li jiskorjaw f'kull edizzjoni tal-Premiership - 15-il edizzjoni. Dawn kienu, il-plejer-kowċ Gary Speed ta' Sheffield United u l-veteran ta' Manchester United Ryan Giggs[20], it-tnejn li huma kienu xi darba kaptani tat-tim nazzjonali ta' Wales.

[editja] Klassifika

Dati huma sa l-20 ta' April 2008. Plejers li huma skurati għadhom attivi fil-Premier League.[21]

# Plejer Gowls
1
Bandiera ta' l-Ingilterra Alan Shearer
260
2
Bandiera ta' l-Ingilterra Andy Cole
187
3
Bandiera ta' Franza Thierry Henry
174
4
Bandiera ta' l-Ingilterra Robbie Fowler
163
5
Bandiera ta' l-Ingilterra Les Ferdinand
149
6
Bandiera ta' l-Ingilterra Teddy Sheringham
146
7
Bandiera ta' l-Ingilterra Michael Owen[22]
135
8
Bandiera ta' l-Olanda Jimmy Floyd Hasselbaink
127
9
Bandiera tat-Trinidad u Tobago Dwight Yorke[22]
123
10
Bandiera ta' l-Ingilterra Ian Wright
113

[editja] Referenzi

  1. Campbell, Dennis. United (versus Liverpool) Nations, The Observer (21-04-2008)
  2. Il-qligħ tal-klabbs tal-Premier League huma mistennija li jirduppjaw, Deloitte (21-04-2008)
  3. 1985: Timijiet Ingliżi sospiżi wara Heysel, BBC Archive (20-04-2008)
  4. Taylor Report, Footballnetwork (21-04-2008)
  5. Ftehim bejn il-"Football Association Premier League Limited" u l-"Football Association Limited" u l-"Football League Limited" u l-klabbs membri rispettivi, HM Courts Service (22-04-2008)
  6. 6.0 6.1 Storja tal-Premier League, Premier League (15-08-2007)
  7. FIFA trid Premier League ta' 18-il tim, BBC Sport (18-04-2008)
  8. Premier League jħabbru tibdil fl-isem tal-kompetizzjoni (PDF), Premier League (20-04-2008)
  9. FA ikkonċernata fuq l-idea ta' 39 logħba, BBC Sport (20-04-2008)
  10. Ir-relazzjoni tagħna mal-klabbs, Premier League (19-04-2008)
  11. Forum tal-Klabbs Ewropej, UEFA (20-04-2008)
  12. Imħabbra kriterji ġodda għall-permess tax-xogħol għal plejers, Department for Education and Employment (01-08-2007)
  13. Arranġamenti tal-permess tax-xogħol għall-plejers tal-futbol, Home Office (21-09-2007)
  14. 14.0 14.1 14.2 Minn £250,000 għal £29.1m, Observer (05-01-2008)
  15. Veron u trasferimenti oħra kbar, 4thegame (02-12-2007)
  16. Leeds ibigħhu lil Rio għal £30 miljun, Daily Telegraph (02-12-2007)
  17. Chelsea jkomplu l-akkwist ta' Shevchenko, BBC (02-12-2007)
  18. Becky Gamester. Super Shearer, BBC (10-12-2007)
  19. L-aqwa skorers tal-Barclaycard Premiership, 4thegame (16-12-2007)
  20. Kurżitajiet fuq Ryan Giggs, TV.com (16-12-2007)
  21. News of the World Football Annual 2007-2008, HarperSport, ISBN 0007255551
  22. 22.0 22.1 Kurrentament attiv fl-iskwadra ta' timijiet tal-Premier League.

[editja] Ħoloq Oħra

Commons
Fil-Wikimedia Commons hemm iktar files multimedjali relatati ma':


Premier League 2007-08
Arsenal | Aston Villa | Birmingham | Blackburn | Bolton | Chelsea | Derby County | Everton
Fulham | Liverpool | Manchester City | Manchester Utd | Middlesbrough | Newcastle | Portsmouth
Reading | Sunderland | Tottenham | West Ham | Wigan


aa - ab - af - ak - als - am - an - ang - ar - arc - as - ast - av - ay - az - ba - bar - bat_smg - bcl - be - be_x_old - bg - bh - bi - bm - bn - bo - bpy - br - bs - bug - bxr - ca - cbk_zam - cdo - ce - ceb - ch - cho - chr - chy - co - cr - crh - cs - csb - cu - cv - cy - da - de - diq - dsb - dv - dz - ee - el - eml - en - eo - es - et - eu - ext - fa - ff - fi - fiu_vro - fj - fo - fr - frp - fur - fy - ga - gan - gd - gl - glk - gn - got - gu - gv - ha - hak - haw - he - hi - hif - ho - hr - hsb - ht - hu - hy - hz - ia - id - ie - ig - ii - ik - ilo - io - is - it - iu - ja - jbo - jv - ka - kaa - kab - kg - ki - kj - kk - kl - km - kn - ko - kr - ks - ksh - ku - kv - kw - ky - la - lad - lb - lbe - lg - li - lij - lmo - ln - lo - lt - lv - map_bms - mdf - mg - mh - mi - mk - ml - mn - mo - mr - mt - mus - my - myv - mzn - na - nah - nap - nds - nds_nl - ne - new - ng - nl - nn - no - nov - nrm - nv - ny - oc - om - or - os - pa - pag - pam - pap - pdc - pi - pih - pl - pms - ps - pt - qu - quality - rm - rmy - rn - ro - roa_rup - roa_tara - ru - rw - sa - sah - sc - scn - sco - sd - se - sg - sh - si - simple - sk - sl - sm - sn - so - sr - srn - ss - st - stq - su - sv - sw - szl - ta - te - tet - tg - th - ti - tk - tl - tlh - tn - to - tpi - tr - ts - tt - tum - tw - ty - udm - ug - uk - ur - uz - ve - vec - vi - vls - vo - wa - war - wo - wuu - xal - xh - yi - yo - za - zea - zh - zh_classical - zh_min_nan - zh_yue - zu -