Mikhail Gorbachev
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Mikhail Sergeyevich Gorbachyov (Russu: Михаи́л Серге́евич Горбачёв), (magħruf l-aktar bil-verżjoni Ingliża ta' Gorbachev), twieled fit-2 ta' Marzu 1931 u kien il-mexxej ta' l-Unjoni Sovjetika mill-1985 sa l-1991. It-tentattivi tiegħu għall-riformi waslu għall-tmiem il-Gwerra Bierda, kif ukoll ikkawżaw tmiem is-supremazija politika tal-Partit Komunista ta' l-Unjoni Sovjetika, (PKUS) u x-xoljiment ta' l-Unjoni Sovjetika. Ġie mogħti l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1990
[editja] Gorbachyov u t-tmiem tat-tmexxija Komunista
Mikhail Gorbachyov, li tela' fil-poter f'Marzu ta' l-1985, fl-età ta' 54 sena, kien l-aktar mexxej b'talent u dinamiku li r-Russja kienet rat għall-ħafna snin. Kien determinat li jbiddel u jerġa' jagħti l-ħajja lil pajjiż wara s-snin sterili wara l-waqgħa ta' Krushchev. Hu kellu f'moħħu li jagħmel dan billi jimmodernizza lil Partit Komunista bl-ideat ġodda ta' glasnost (ftuħ) u perestroika (ristrutturar - ekonomiku u soċjali).
Dan il-ħsieb ġdid mal-ewwel ħalla impatt fuq il-politika barranija, b'inizjattivi ġodda għal [[dètente]], relazzjonijiet maċ-Ċina, tluq mill-Afganistan u fl-aħħar it-tmiem tal-Gwerra Bierda lejn l-aħħar ta' l-1990.
Gorbachyov wera biċ-ċar x'kien ħażin fl-Unjoni Sovjetika, f'diskors li għamel waqt Konferenza tal-Partit fl-1988. Hu qal li s-sistema kienet wisq ċentralizzata u għalhekk ma ħallietx spazju għall-inizzjattiva individwali lokali. Kienet ibbażata kompletament fuq kontroll u tmexxija mill-istat u indirizzata wisq lejn id-difiża u industriji kbar u b'hekk kien hemm nuqqas ta' ġid lejn il-konsumatur.
Gorbachyov ma riedx itemm il-Komuniżmu; ried ibiddel is-sistema preżenti, li kienet għada wisq Stalinista, ma waħda soċjalista li kienet umana u demokratika.