Buddiżmu
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Il-Buddiżmu hu bbażat fuq it-tagħlim ta' Siddhārtha Gautama li għex fl-Indja bejn 563 u 483 qabel Kristu. Skond dan it-twemmin, il-ħajja ma tintemx mal-mewt iżda terga' tirrinova ruħha fi twelid mill-ġdid. L-iskop tal-Buddiżmu hu li l-bniedem joħroġ miċ-ċiklu tedjanti tat-twelid, ix-xjuħija u l-mewt billi jilħaq l-istat tan-Nirvana, stat mhux maħkum mil-liġi tal-bidla kontinwa u s-sofferenza.
Fiċ-ċentru tat-tagħlim Buddist, wieħed isib l-erba' Veritajjiet Nobbli:
- Fil-ħajja hemm is-sofferenza u l-ħajja hi kkaratterizzata min nuqqas ta' sodisfazzjon.
- L-oriġini tas-sofferenza hi l-ġibda għamja lejn is-senswalita.
- Wieħed jista' joħroġ mis-sofferenza.
- Il-mod kif wieħed joħrog mis-sofferenza huwa li jimxi skond il-gwida maqsuma fi tmien partijiet:
- Fehma korretta
- Intenzjoni tajba
- Użu tajjeb tad-diskors
- Imġieba u azzjoni tajba
- Stil ta' għajxien korrett
- Sforz ġust
- Il-Kontrol u l-perfezzjoni tal-fakultajjiet konxji
- Konċentrazzjoni korretta
Il-Meditazzjoni tagħmel parti essenzjali fil-ħajja ta' Buddist. Permezz tal-kwiet tal-meditazzjoni, wieħed isib is-serħan -il moħħ li jgħin lill-individwu fid-deċiżjonijiet tal-ħajja ta' kuljum. Barra min hekk wieħed jagħmel ħbieb miegħu nnifsu sabiex ikun jista' jħobb ukoll lill-oħrajn.
Hemm diversi għamliet ta' Buddiżmu iżda dawn nistgħu naqsmuhom kollha taħt żewg skejjel. Dik tat-'Theravada' li hi l-eqdem skola u dik tal-'Mahayana'. Madankollu nsibu wkoll iż-Żen li xi nies iqisuh bħala dixxendent tal-'Mahayana' u oħrajn iqisuh bħala skola separata.
Hemm differenzi sostanzjali bejn it-tlett skejjel iżda fil-fond tagħhom wieħed isib l-istess sustanza.