Web Analytics Made Easy - Statcounter

See also ebooksgratis.com: no banners, no cookies, totally FREE.

CLASSICISTRANIERI HOME PAGE - YOUTUBE CHANNEL
Privacy Policy Cookie Policy Terms and Conditions
Bolonja - Wikipedija

Bolonja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Comune di Bologna
Arma Muniċipali
Pajjiż l-Italja
Reġjun Emilia-Romagna
Provinċja Bologna (BO)
Sindku Sergio Cofferati
Elevazzjoni 54 m
Arja 140.73 km²
Popolazzjoni
 - Total:
 - Densità:

374,425
2,661/km²
Żona tal-ħin CET, UTC+1
Ko-ordinati 44°30′N, 11°21′E
Kodiċi telefoniku 051
Kodiċi Postali 40100
Qaddis Patrun San Petronju
Festa tal-patrun 4 ta' Ottubru
Location of France
Pożizzjoni ta' Bolonja

Bolonja hi belt Taljana b’xi 375000 abitant, li qegħda fil-majjistral tal-pajjiż, bejn ix-xmara Po u l-Apennini. Hi l-kapitali tal-provinċja ta’ l-istess isem u tar-reġjuni ta’ Emilia-Romagna u waħda mill-bliet prinċipali ta’ l-Italja.

L-università ta’ Bolonja, li twaqqfet fl-1088, hi l-università l-iżjed antika tal-punent. Minħabba dan tlaqqmet La Dotta (l-għarfa). Il-belt għanda żewġ laqmijiet oħra La Rossa (il-ħamra), minħabba s-soqfa ħomor tat-terra cotta u wkoll minħabba l-pulitka xellugija tagħha, u La Grassa (il-ħoxna) minħabba l-kċina eċċellenti.

L-abitanti tagħha huma l-Bolonjiżi. Stramb li l-platt li ngħidulu spaghetti Bolognese ma jeżistiex fil-kċina Bolonjiża. Kull sena fir-rebbiegħa f’Bolonja ssir fiera magħrufa internazzjonali tal-kotba għat-tfal, La Fiera del Libro per Ragazzi.

Werrej

[editja] Ġeografija

Bolonja tinstab f’żona ta’ pjanuri u għoljiet, bejn il-wied tar-Reno u dak tas-Savena. Il-komuni tinqasam f’disa’ kwartieri: Borgo Panigale, San Donato, San Vitale, Sàvena, Navile, Porto, Saragozza, Santo Stefano, Reno.

[editja] Storja

Bolonja twaqqfet mill-Etruski bl-isem ta’ Felsina fl-534 QK f’żona abitata mill-qedem mill-poplu ta’ Villanova, razza ta’ bdiewa u rgħajja. Il-belt Etruska kibret madwar santwarju mibni fuq għolja, li kienet mdawra b’ nekropoli. Fir-raba’ seklu QK il-belt intrebħet mill-Galli Boj, minn fejn ġej l-isem antik tagħha, Bononia, li taw ir-Rumani lil din il-kolonja li rebħu fil-191 QK. 3000 familja ta’ kolonisti Rumani mmexxijin mill-Konsli Lucius Valerius Flaccus, Marcus Atilius Seranus u Lucius Valerius Tappo, ġew joqgħodu f’din il- kolonja ġdida Rumana. Il-bini tal-Via Æmilia fil-187 QK għamlet ‘il Bolonja salib it-toroq importanti, magħquda ma’ Arezzo bil-Via Flaminia u ma’ Aquileia bil-Via Aemilia Altinate.

Fit-88 QK, il-belt saret municipium. Hi mbniet f’toroq dritti b’sitt cardi u tmien decumani, li għadhom jagħmlu l-istruttura tagħha s’issa. Il-belt kellha xi 10,000 abitant taħt l-Imperu Ruman, kif ukoll bosta tempji, termi, teatri u arena. Skond Pomponius Mela, Bononia kienet fost il-ħames bliet opulentissimae ( l-iżjed għonja) ta’ l-Italja. Il-belt reġgħet inbniet minn Neruni wara li nħarqet.

Wara li marret lura għal żmien twil, Bolonja twieldet mill-ġdid fis-seklu V bil-ħeġġa ta’ l-isqof Petronius, li bena l-knisja ta’ San Stefano. Wara l-waqa’ ta’ l-Imperu Ruman, Bolonja nbidlet f’fortizza fuq il-fruntiera ta’ l-Esarkat ta’ Ravenna fil-Pjanura Padana. Il-belt kienet protetta bis-swar imma dawn ma kienux jipproteġu r-rovini tal-belt antika Rumana. Fis-728 il-belt intrebħet minn Liutprando, Re tal-Lombardi, li għaqqadha mar-renju tal-Lombardi.

Fis-seklu XI, Bolonja kellha perijodu ġdid ta’ kobor u saret Komuni li nagħqdet mal-Lega Lombarda fl-1164 biex tiġġieled kontra Frederiku Barbarossa. Fl-1088 inħolqot l-Università ta’ Bolonja, li hi issa l-università l-iżjed qadima ta’ l-Ewropa. Bosta nies famużi kienu jistudjaw hemm fil-Medju Evu bħal Irnerio, Dante, Boccaccio u Petrarca. Fis-seklu XII, l-iżvilupp tal-belt ħtieġ swar ġodda u sar tkabbir ieħor fis-seklu XIV.

Fl-1256 Bolonja għaddiet il-Legge del Paradiso ("Liġi tal-Ġenna"), li neħħiet il-jasar fewdali u ħelset l-iskjavi bil-flus tal-belt. Fl-stess żmien il-qalba tal-belt inksiet bit-torrijiet, mibnija mill-familji għonja u qawwija tal-belt biex juru l-qawwa tagħhom, u bil-bini publiku, knejjes u abaziji. Dan it-tkabbir u din l-għana fl-1294 għamlu l-belt waħda mill-iżjed popolati ta’ l-Ewropa.

Bolonja "La Rossa"
Bolonja "La Rossa"

Bħall-biċċa kbira tal-komuni ta’ l-epoka, Bolonja kienet maqsuma bil-ġlied intern li wassal għat-tkeċċija tal-familja tal-Ghibellini fl-1274. Wara li tħarbtet fil-battalja ta’ Zappolino mill-forzi ta’ Modena fl-1325, Bolonja bdiet tmur lura u talbet il-protezzjoni tal-Papa fil-bidu tas-seklu XIV.

Wara s-snin henjin taħt il-gvern ta’ Taddeo Pepoli (1337-1347), Bolonja waqet f’idejn il-Visconti, imma reġgħet taħt l-awtorità Papali bil-Kardinal Gil de Albornoz fl-1360. Is-snin li missu raw ħafna bdil bejn gvernijiet repubblikani (bħal ta’ 1377, li bena l-Basilka ta’ San Petronju u l-Loggia dei Mercanti) u l-ħakma papali jew tal-Visconti. Matul daż-żmien, il-familji qawwijin tal-belt kienu mitlufin fi ġlied fratriċidu għall-kontroll tagħha. F’nofs is-seklu XV, il-familja Bentivoglio kisbet il-poter biż-żewġ membri Sante (1445-1462) u Giovanni II (1462-1506). Dak il-perjodu kien l-iżjed fjorenti tal-belt, bil-preżenza ta’ arkitetti u pitturi famużi ġol-ħitan tagħha, li bidlu ‘l Bolonja f’veru belt tar-Rinaxximent.

Ir-renju ta’ Giovanni II spiċċa fl-1506 waqt li t-truppi papali ta’ Ġulju II kienu qegħdin jassedjaw u jħarbtu l-belt. Minn dik id-data sas-Seklu XVIII, Bolonja kienet tagħmel parti mill-istati papali u kienet immexxija minn Cardinal legato u Senat li kull xharejn kien jagħżel gonfaloniere (imħallef), megħjun minn tmien konsli iżjed anzjani. Il-prosperità tal-belt baqgħet tikber, allavolja fit-tmiem tas-seklu XVI il-pesta naqqset il-popolazzjoni minn 72 000 għal 59 000 abitant. Din il-prosperità rriżultat f’ħafna bini mportanti, bħal Piazza Nettuna u l-Palazzo dei Banchi fl-1564. Il-ħakma papali rat il-bini ta’ ħafna knejjes u stabilimenti reliġjużi oħra ġodda u r-renovazzjoni ta’ l-antiki. B’96 kunvent Bolonja kellha r-rekord ta’ l-Italja. Il-pitturi li kienu jaħdmu Bolonja waqfu l-iSkola Bolonjiża li fosthom kien hemm Annibale Carracci, Domenichino, Guercino u pitturi oħra famużi.

Taħt Napuljun, Bolonja saret il-kapitali tar-“Repubblica Cispadana”. Wara l-waqa’ ta’ Napuljun, Bolonja reġgħet marret taħt il-papa u rribellat kontra tiegħu fl-1831 u għal darba oħra fl-1849. Il-Papa Piju IX żar il-belt fl-1857. Bolonja vvotat li tingħaqad mar-Renju ta’ Sardinja fit-12 ta’ Ġunju 1859, u hekk ħadet parti fir-Risorgimento. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-istorja ta’ Bolonja hi mħallta ma’ dik ta’ l-Italja.

Matul is-Snin taċ-Ċomb, l-Attentat ta’ l-iStazzjon ta’ Bolonja (magħruf fl-Italja bħala la strage di Bologna) kien wieħed mill-iżjed attentati terroristiċi mportanti li laqtu l-Italja. Dan ġara fit-2 ta’ Awwissu, 1980 fl-10.25 ta’ filgħodu. Fih mietu 85 ruħ u kien hemm iżjed minn 200 ferut. Xi membri ta’ grupp tal-lemin estrem kienu kkundanati għall-attentat.

Bolonja llum hi qalba kulturali mportanti imma wkoll ċentru kummerċjali, industrijali u tal-komunikazzjoni. Fil-bidu tas-seklu XXI is-swar qodma twaqqgħu biex jinbena vjal u djar ġodda.

[editja] Ekonomija

Ekonomikament, Bolonja hi belt prospera ħafna. Hi l-kapitali ta’ reġjun għani u dinamiku, minħabba r-riċerka u l-innovazzjoni. Għandha attività industrijali kbira ( 30% ta’ l-impjegati fl-1998 ) b’xi gruppi prestiġjużi bħal Ducati u Lamborghini fis-settur awtomobilistiku u Borbonese fis-settur tal-moda. Il-belt għandha wieħed mill-ikbar parks għall-wirjiet fl-Ewropa. Bolonja hi wkoll ċentru kulturali u turistiku mportanti minħabba l-istorja u l-monumenti sbieħ tagħha.

Bolonja għandha wkoll l-vantaġġ tal-pożizzjoni tagħha ta’ salib it-toroq Ewropej. Hi fil-qalba tax-xibka ta’ l-awtostradi tat-tramuntana ta’ l-Italja ( A1, A13, A14 ), imma qegħda anki fuq il-linja tal-ferrovija l-iżjed importanti ta’ l-Italja. Fl-aħħar mill-ajruport tagħha "G. Marconi", li qiegħed 6 km il-bogħod mill-belt, hemm titjiriet nazzjonali u inrenazzjonali.

[editja] Kultura

[editja] Il-monumenti tal-belt

Panorama: Il-Bażilka ta’ San Petronju u l-Piazza Maggiore
Panorama: Il-Bażilka ta’ San Petronju u l-Piazza Maggiore
Il-funtana ta' Nettunu
Il-funtana ta' Nettunu

Bolonja hi waħda mill-bliet medjovali l-iżjed preżervati ta’ l-Ewropa, u għalhekk għandha valur storiku kbir. Minkejja l-ħsara konsiderevoli li saret mill-bumbardamenti ta’ l-1944, iċ-ċentru storiku ta’ Bolonja, hu wieħed mill-ikbar ta’ Ewropa, u fih hemm rikkezzi sew medjovali, kif ukoll Rinaxximentali u Barokki.

  • Il-Piazza Maggiore hi l-pjazza prinċipali tal-belt. Il-forma tagħha attwali ġejja mis-seklu XV u fiha il-bini medjovali ewlenin tal-belt. Fil-fatti l-Palazzo d’Accursio, il-Bażilka ta’ San Petronju, il-Palazzo dei Notai, il-Palazzo del Podestà u l-Palazzo dei Banchi jagħtu fuq din il-pjazza. Il-pjazza hi maġenb pjazza oħra notevoli tal-belt, il-Piazza Nettuno.
  • Il-Palazzo d'Accursio, li jgħidulu wkoll Palazzo Comunale, hu s-sedi tal-muniċipju ta’ Bolonja. Fil-bidu kien ir-reżidenza ta’ Francesco d'Accursio, imma ma damx ma sar iċ-ċentru tal-poter Bolonjiż. Il-palazz li ra l-inkoronazzjoni ta’ Karlu V, għandu bosta freski li jirrakkontaw l-istorja tal-belt.
  • Il-Bażilka ta’ San Petronju hi l-ikbar waħda tal-belt u l-ħames waħda fid-dinja. Il-Bażilka, li bdiet tinbena fl-1390, qegħda fil-Piazza Maggiore. Il-kisi tal-faċċata tagħha bl-irħam qatt ma tkompla.
  • Il-Palazzo dei Banchi hu palazz tas-sekli XV/XVI li qiegħed ukoll fil-Piazza Maggiore.
  • Il-Palazzo dei Notai hu palazz li mbena mis-soċjetà tan-Nutari fl-1381. Waħda mill-faċċati tranġat fl-1437, u l-bini sħieħ kien renovat fil-bidu tas-seklu X.
  • Il-Funtana ta’ Nettunu ( La Fontana del Nettuno ) hi skultura monumentali tal-bronż, maħduma mill-iskultur Fjamming manjerista, Jean de Boulogne, imlaqqam Giambologna, bejn l-1563 u l-1537 u ordnata mill-Kardinal Carlo Borromeo.
  • Il-Palazz tar-Re Enzo ( Palazzo Re Enzo ) imbena fl-1245, u serva ta’ ħabs għar-re Enzo ta’ Sardinja sa’ mewtu fl-1272. Qiegħed ma’ ġenb il-Palazzo del Podestà.

[editja] Personalitajiet u Sport

[editja] Nies Famużi

Artisti u Sportivi Politiċi u Xjenzati
  • Filippo Argelati (storiku, numismatiku u studjuż)
  • Pupi Avati (reġista u xeneġġjatur ċinematografiku)
  • Adriano Banchieri (kompożitur)
  • Il Guercino (pittur)
  • Stefano Benni (kittieb)
  • Annibale Carracci (pittur)
  • Lodovico Carracci (pittur)
  • Agostino Carracci (pittur)
  • Lucio Dalla (kittieb-kompożitur-kantawtur)
  • Umberto Eco (kittieb u professur)
  • Francesco Guccini (kittieb-kompożitur- kantawtur)
  • Giorgio Morandi (pittur)
  • Gianni Morandi (kantant)
  • Pier Paolo Pasolini (kittieb, poeta u reġista)
  • Bruno Pulga (pittur)
  • Guido Reni (pittur)
  • Ottorino Respighi (kompożitur)
  • Roberto Regazzi (lutjier)
  • Pierluigi Collina (referee tal-football)
  • Alberto Tomba (xijatur u attur)
  • Alex Zanardi (sewwieq)
  • Pier Ferdinando Casini (politku)
  • Gianfranco Fini (politku)
  • Grégoire XIII (papa)
  • Romano Prodi (politku u professur)
  • Scipione del Ferro (matematiku)
  • Guglielmo Marconi (fiżiku u inventur)


Guglielmo Marconi, rebbiegħ tal-Premju Nobel
Guglielmo Marconi, rebbiegħ tal-Premju Nobel

[editja] Sport

Għalkemm il-futbol hu r-re ta’ l-isport fl-Italja, Bolonja tispikka fil-Basket-ball. Infatti l-belt hi mlaqqma "Basket City" u dan minħabba ż-żewġ klabbs tal-Basket-ball : Virtus Bologna u Fortitudo Bolognja. Dawn iż-żewġ timijiet huma fost l-aħjar fl-Italja u wkoll fl-Ewropa b’xi rebħiet fit-Tazza ta’ L-Ewropa. Ma dan kollu il-belt għandha klabb tal-futbol, Bologna FC 1909, imma dan daż-żmien m’għandux suċċess kbir u qiegħed fis-Serie B.

  • Bologna FC 1909 (Football)
  • Virtus Bologna (Basket-ball)
  • Fortitudo Bologna (Basket-ball)
  • Fortitudo Baseball (Baseball)
  • Zinella Bologna (Volley-ball)

[editja] Gallerija : Xi ritratti ta’ Bolonja

[editja] Ħoloq Esterni


aa - ab - af - ak - als - am - an - ang - ar - arc - as - ast - av - ay - az - ba - bar - bat_smg - bcl - be - be_x_old - bg - bh - bi - bm - bn - bo - bpy - br - bs - bug - bxr - ca - cbk_zam - cdo - ce - ceb - ch - cho - chr - chy - co - cr - crh - cs - csb - cu - cv - cy - da - de - diq - dsb - dv - dz - ee - el - eml - en - eo - es - et - eu - ext - fa - ff - fi - fiu_vro - fj - fo - fr - frp - fur - fy - ga - gan - gd - gl - glk - gn - got - gu - gv - ha - hak - haw - he - hi - hif - ho - hr - hsb - ht - hu - hy - hz - ia - id - ie - ig - ii - ik - ilo - io - is - it - iu - ja - jbo - jv - ka - kaa - kab - kg - ki - kj - kk - kl - km - kn - ko - kr - ks - ksh - ku - kv - kw - ky - la - lad - lb - lbe - lg - li - lij - lmo - ln - lo - lt - lv - map_bms - mdf - mg - mh - mi - mk - ml - mn - mo - mr - mt - mus - my - myv - mzn - na - nah - nap - nds - nds_nl - ne - new - ng - nl - nn - no - nov - nrm - nv - ny - oc - om - or - os - pa - pag - pam - pap - pdc - pi - pih - pl - pms - ps - pt - qu - quality - rm - rmy - rn - ro - roa_rup - roa_tara - ru - rw - sa - sah - sc - scn - sco - sd - se - sg - sh - si - simple - sk - sl - sm - sn - so - sr - srn - ss - st - stq - su - sv - sw - szl - ta - te - tet - tg - th - ti - tk - tl - tlh - tn - to - tpi - tr - ts - tt - tum - tw - ty - udm - ug - uk - ur - uz - ve - vec - vi - vls - vo - wa - war - wo - wuu - xal - xh - yi - yo - za - zea - zh - zh_classical - zh_min_nan - zh_yue - zu -