Web Analytics Made Easy - Statcounter

See also ebooksgratis.com: no banners, no cookies, totally FREE.

CLASSICISTRANIERI HOME PAGE - YOUTUBE CHANNEL
Privacy Policy Cookie Policy Terms and Conditions
Pëtr Il'ič Čajkovskij - Wikipedija

Pëtr Il'ič Čajkovskij

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Pëtr Il'ič Čajkovskij [1] (bir-Russu, Пётр Ильи́ч Чайко́вский) (twieled 7 ta’ Mejju, 1840 – miet 6 ta’ Novembru 1893) kien kompożitur Russu ta’ l-età romantika.

Werrej

[editja] Bijografija

Pëtr Il'ič Čajkovskij
Pëtr Il'ič Čajkovskij

Čajkovskij twieled Kamsko-Votkinsk, ir-Russja, minn Il’ja Petrovič Čajkovskij, inġenier minerarju Ukren u mit-tieni mara tiegħu, Aleksandra Andreevna Assier, li kienet ta’ oriġni Franċiża. Beda jieħu l-lezzjonijiet tal-pjanuforte meta kellu seba’ snin. Mill-1861 sa l-1865 studja fil-Konservatorju ta’ San Pietruburgu, fejn ħa d-diploma bil-kompożizzjoni "Għanja lill-ferħ" fuq versi ta’ Schiller. Fl-1866 inħatar professur tat-teorija u armonija fil-Konservatorju ta’ Moska, imwaqqaf dik is-sena. Din il-kattedra offrihilu Nikolaj Rubinstein fuq rakkomandazzjoni ta’ Anton Rubinstein, ħu Nikolaj u l-ewwel għalliem ta’ Čajkovskij f’San Pietruburgu. Żamm dik il-pożizzjoni sa l-1876.

Disagħt ijiem biss wara l-ewwel kunċert tas-Sitt Sinfonija tiegħu, (Pathétique), fl-1893 f’San Pietruburgu, Čajkovskij miet. Hemm opinjoni mifruxa li kien qatel ruħu b’idejh, allavolja l-mod u ċ-ċirkustanzi għadhom mhux ċerti: isemmiet ukoll il-kolera, li seta’ ħa mill-ilma mniġġeż li kien xorob ftit jiem qabel. Imma hu iżjed probabbli li kien avvelenament bl-arseniku billi nafu li fil-funeral Rimskij-Korsakov u xi wħud minn sħabu warajh resqu lejn il-mejjet u biesuh foq ġbinu. Hemm xniha oħra li xi ħbieb tiegħu u xi nies li kien studja magħhom inkuraġġewh biex joqtol ruħu b’idejh biex jevita skandlu mħabba xi relazzjoni li kellu ma’ neputi ta’ membru ta’ l-aristokrazija Russa.

Minkejja l-omosesswalità tiegħu, fit-18 ta’ Lulju 1877, iżżewweġ, għalkemm kontra qalbu, lil Antonina Miljukova, studenta fil-konservatorju li kienet tammirah ħafna. Kien iddeċieda li jiżżewweġ ‘il min jieħdu. Il-konsegwenzi fuq il-psike ta’ Čajkovskij kienu tal-biża': ġranet biss wara ż-żwieġ beda jiddispjaċieh u ġimgħatejn wara waqa’ fl-ilma ngazzat tax-xmara Moskova u kien ħa jmut l-aħħar (jgħidu li kien attentat bla grazzja ta' suwiċidju); darba li kien għaddielu l-effett ta’ l-inċident, telaq lejn San Pietruburgu b’għeja nervuża kbira.

Matul ħajtu kellu appoġġ ekonomiku u morali ġeneruż mill-armla għanja Nadežda von Meck. Din kienet intlaqtet ħafna mill-mużika ta’ Čajkovskij u saret il- finanzjatriċi prinċipali tal-kompożitur. Bis-somom kbar ta’ flus li tagħtu sar possibbli li jitlaq il-kattedra fil-konservatorju biex jiddedika ruħu kompletament għall-kompożizzjoni. Kienet ukoll konfidenti privileġġjata għaliex kella korrispondenza kontinwa miegħu li damet mill-1877 sa’ l-1890, b’total ta’ l-fuq minn 1200 ittra; huma, bi ftehim bejniethom, qatt ma ltaqgħu. Ma’ dan kollu wara 13-il sena, il-korrispondenza waqfet f’daqa, uffiċjalment mħabba li l-benefattriċi falliet, allavolja ħafna (fosthom Berberova fil-bijografija tagħha) sostnew li l-kawża kienet l-iskoperta ta’ l-omosesswalità ta’ Pëtr Il'ič.

Forsi l-iżjed bijografija interessanti ta’ Čajkovskij hi dik li kitbet Nina N. Berberova, li tagħmel iżjed emfasi fuq l-istudju psikoloġiku tal-personalità tal-Mużiċista milli fuq l-analisi tax-xogħol artistiku tiegħu. Din il-bijografija għandha t-titlu evokattiv It-tifel tal-ħġieġ, kif kienet issejjaħlu il-maħbuba governanti Fanny. F’dal-ktieb l-awtriċi tpinġi ritratt interessanti ta’ l-artista, li jibda mill-fraġiltà żagħżuħa tat-tifel, marbut morbożament ma’ ommu, ta’ oriġni Franċiża, li mietet f’età żgħira bil-kolera. Matul is-snin ta’ l-adolexxenza, immarkati b’ħbiberiji mħawdin ma’ ħbieb fil-konservatorju, kellu rabta ta’ mħabba profonda mal-kuġin tiegħu Davydov, li għalih iddedika l-aħħar xogħol tiegħu, is-sitt sinfonija, li bla dubju tista’ titqies bħala t-testment spiritwali ta’ Čajkovskij. Fil-bijografija tagħha Berberova ċaħdet kategorikament l-ipoteżi tas-suwiċidju u twaħħal fix-xorb ta’ l-ilma mniġġeż bħala l-kawża tad-diżgrazzja tal-mewt tiegħu.

Il-ħajja tiegħu hi rakkontata fil-film ta’ Ken Russell The music lovers (1970).

Il-qabar tiegħu qiegħed fiċ-Ċimiterju Tixvin ta’ San Pietruburgu.

[editja] L-istil

Čajkovskij kulturament kien imbiegħed ħafna mill-kompożituri Russi kontemporanji miegħu (dawn saru jissejħu l-Grupp tal-Ħamsa) li kienu ispirati min-nazzjonaliżmu, waqt li hu, fil-mużika kellu spirtu kożmopolita. Però, il-partituri tiegħu, mimlijin sensibbiltà u eleganza naturali, xorta juru tratti li huma distintament Russi, fl-għażla spissa tal-mod minuri u fuq kollox fil-melodiji li sikwit huma meħudin mill-kant tradizzjonali jew mill-liturġija ortodossa.

Għall-kontra tal-kollegi Russi, Čajkovskij f’ħajtu kollha kien jistudja l-mużika tal-punent - minn Mozart sa l-operisti Taljani u mir- romantiċi Ġermaniżi għall-iskola ġdida Franċiża ta’ Bizet u Massenet. (Ta’ min jinnota li Beethoven ma tantx kien jogħġbu, l-iżjed Beethoven tal-maturità, u ‘l Schumann kien jippreferih mir-"rival" Brahms.) Hekk irnexxilu jagħti l-mużika tiegħu xeħta veru internazzjonali.

F’dan is-sens, il-figura tiegħu ta’ mużiċista kapaċi li jassorbi u jirrielabora kwalunkwe lingwaġġ u kull forma mużikali, hi fundamentali fl-ambitu romantiku kif ukoll biex nifhmu l-vjaġġ artistiku li kien ħa jagħmel fil-futur Stravinskij.

Fost il-ħafna aspetti tal-figura tiegħu b’ħafna faċċati, ta’ kompożitur instintiv u appassjonat u fl-istess ħin attent ħafna għall-irfinar formali, tispikka s-sensibbiltà timbrika straordinarja. Čajkovskij kien jaf jesperimenta bil-possibiltajiet espressivi ta’ l-istrumenti tradizzjonali, b’mod partikulari bin-nifsijiet, u joħroġ minhom ħoss u taħwir oriġinali, raffinatissmu u inkonfondibbli. L-importanza li ta ‘ill-kuluri ta’ l-orkestra tirrelega l-mużika pjanistika għat-tieni pjan, minkejja l-fama straordinarja li kiseb bl-ewwel kunċert għall-pjanu u l-orkestra.

[editja] Kompożizzjonijiet Prinċipali

[editja] Balletti

Čajkovskij jaf il-popolarità tiegħu l-iżjed lill-mużika għall-balletti.

  • Il-Lag tac-Ċinji, op. 20 (1875-76) Kien l-ewwel ballett ta’ Čaikovskij, irrappreżentat, b’xi qtugħ fit-Teatru Bol'šoj ta’ Moska, fl-1877. Kien apprezzat sħieħ biss wara l-mewt tal-mużiċista minkejja it-tnaqqix drammaturġiku finissmu u fantasjuż.
  • Is-Sbejħa Rieqda, op. 66 (1888-89) Čaikovskij kien iqies dan ix-xogħol bħala wieħed mill-iżjed li rnexxa. L-ewwel rappreżentazzjoni tiegħu kienet fl-1890, fit-Teatru Mariinskij f’San Pietruburgu.
  • Il-Kissiera tal-Lewż, op. 71 (1891-92) Dan hu wieħed mix-xogħlijiet l-iżjed popolari. Il-faxxinu qiegħed fis-sentiment pekuljari ta’ maġija u ta’ seher flimkien mal-ħolm u r-ritorn għat-tfulija. Čajkovskij ġabar fi suite Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti minn dan il-ballett.

[editja] Sinfoniji

  • Sinfonija nu 1 fuq Sol minuri (Ħolm tax-xitwa), op. 13 (1866)
  • Sinfonija nu 2 fuq Do minuri (Russja Żgħira), op. 17 (1872)
  • Sinfonija nu 3 fuq Re maġġuri (Pollakka), op. 29 (1875)
  • Sinfonija nu 4 fuq Fa minuri, op. 36 (1877)
  • Manfred, op. 58 (1885)
  • Sinfonija nu 5 fuq Mi minuri, op. 64 (1888)
  • Sinfonija nu 6 fuq Si minuri (Pathétique), op. 74 (1893)
  • Sinfonija fuq Mi bemoll maġġuri (1891-1892, abbandunata)

[editja] Ouvertures u xogħlijiet oħra għall-orkestra

  • Il-Buraxka, op. 76 (1864)
  • Ouverture fuq fa maġġuri (1865, rev. 1866)
  • Ouverture solenni fuq l-innu nazzjonali Daniż, op. 15 (1866, rev. 1892)
  • Id-Destin, op. 77 (1868)
  • Romeo u Ġuljetta (1869, rev. 1870, 1880)
  • It-Tempesta, op. 18 (1873)
  • Marċ Slav, op. 31 (1876)
  • Francesca da Rimini, op. 32 (1876)
  • Kapriċċ Taljan, op. 45 (1880)
  • Serenata għall-kordi, op. 48 (1880)
  • L-1812, op. 49 (1880)
  • Amletu, op. 67 (1888)
  • Voevoda, op. 78 (1890-91)

[editja] Kunċerti u biċċiet konċertanti

  • Kunċert għall-pjanu nu 1 fuq Si bemoll minuri, op. 23 (1874-75, rev. 1879 et 1889)
  • Sérenade mélancolique, op. 26 (1875)
  • Varjazzjonijiet fuq tema rokoko, op. 33 (1876)
  • Valz-Scherzo, op. 34 (1877)
  • Kunċert għall-vjolin fuq Re maġġuri, op. 35 (1878)
  • Kunċert għall-pjanu nu 2 fuq Sol maġġuri, op. 44 (1879-80)
  • Concert fantaisie, op. 56 (1884)
  • Pezzo Capriccioso, op. 62 (1887)
  • Kunċert għall-pjanu nu 3 fuq Mi bemoll maġġuri, op. 75 (1893)
  • Kunċert għall-pjanu nu 3, Andante u Finale, op. 79 (1893)

[editja] Suites

  • Suite nu 1 fuq Re minuri, op. 43 (1878-1879)
  • Suite nu 2 fuq Do maġġuri, op. 53 (1883)
  • Suite nu 3 fuq Sol maġġuri, op. 55 (1884)
  • Suite nu 4 fuq Sol maġġuri, Mozartiana, op. 61 (1887)

Čajkovskij ġabar fi suite għall-ballett, Op. 71a (1892) tmien biċċiet estratti mill-ballett tiegħu Il-Kissiera tal-Lewż. Jeżistu wkoll xi suites għall-balletti il-Lag taċ-Ċinji (suite 20a) u is-Sbejħa Rieqda (suite 66a), imma dawn m’humiex awtentiċi, għaliex ma nġabrux mill-kompożitur innifsu (għalkemm kellu f’rasu li jagħmel hekk) u kienu ippublikati wara mewtu.

[editja] Mużika da camera

  • Kwartett għall-kordi fuq Si bemoll maġġuri (1865)
  • Kwartett għall-kordi nu 1 fuq Re maġġuri, op. 11 (1871)
  • Kwartett għall-kordi nu 2 fuq Fa maġġuri, op. 22 (1873-74)
  • Kwartett għall-kordi nu 3 fuq Mi bemoll minuri, op. 30 (1876)
  • Tifkira ta’ post għażiż, op. 42 (1878)
  • Trio għall-pjanu fuq La minuri, op. 50 (1881-82)
  • Tifkira ta’ Firenze, op. 70 (1890)

[editja] Biċċiet għall-pjanu

Čajkovskij kiteb xi mitt biċċa għall-pjanu. Fosthom l-iżjed famużi huma L-iStaġuni op. 37a.

[editja] Mużika di scena

  • Sneguročka, op. 12 (1873)

[editja] Opri

Čajkovskij ikkompona għaxar opri. Fosthom it-tnejn l-iżjed famużi huma Ewġenju Onegin u r-Reġina tal-Piki li jinstemgħu spiss fir-repertorju liriku modern. L-opri l-oħra, għalkemm magħrufin ħafna inqas (u barra mir-Russja rari li jindaqqu) għadhom interessanti.

f’ordni kronoloġika

Titlu bil-Malti Titlu oriġinali (bir-Russu) Librett Première (data) Première (post)
Voevoda[2] Воевода Aleksandr Ostrovskij u l-kompożitur 11 ta’ Frar 1869 Moska, Teatru Bol'šoj
Undina Ундина Vladimir Sologub Qatt ma ndaqqet[3] Qatt ma ndaqqet
Opriċnik Опричник il-kompożitur 24 ta’ April 1874 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Vakula l-Ħaddied Кузнец Вакула J. P. Polonski 6 ta’ Diċembru 1876 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Ewġenju Onegin Евгений Онегин il-kompożitur, fuq storja ta’ Puškin 29 ta’ Marzu 1879 Moska, Teatru Malyj
Ix-Xebba t’Orléans Орлеанская дева il-kompożitur, fuq it-traġedja ta’ Schiller 25 ta’ Frar 1881 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Mażepa Мазепа Viktor Burenin u l-kompożitur, fuq storja ta’ Puškin 15 ta’ Frar 1884 Moska, Teatru Bol'šoj
Ċereviċki[4] Черевички J. P. Polonski 31 ta’ Jannar 1887 Moska, Teatru Bol'šoj
Is-Saħħara Чародейка Ippolit Špažinskij 1 ta’ Novembru 1887 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Ir-Reġina tal-Piki Пиковая дама Modest Čajkovskij u l-kompożitur, fuq storja ta’ Puškin 19 ta’ Diċembru 1890 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij
Iolanta Иоланта Modest Čajkovskij, fuq storja ta’ Henrik Hertz 18 Diċembru 1892 San Pietruburgu, Teatru Mariinskij

[editja] Gallerija

[editja] Noti

  1. Billi hemm ħafna verżjonijiet tat-transliterazzjoni mir-Russu ta' dan l-isem: Tchaikovsky, Ciajkovskij, Tchaïkovski, Chaikovski, Tschaikowski jew Tsjaikovski, qegħdin nużaw it-transliterazzjoni xjentifika (International Scholarly System). F'din il-paġna nużaw din it-transliterazzjoni għall-ismijiet Russi kollha.
  2. Il-partitura nqerdet mill-kompożitur fis-snin 1870. Ġiet rikostitwita fl-1948, minn xi abbozzi u xi biċċiet għall-orkestra li baqgħu sħaħ.
  3. Dan ix-xogħol kien rifjutat mill-Opera Imperjali u Čajkovskij qatta’ l-partitura. Però, tliet estratti, li ndaqqu fit-28 ta’ Marzu 1870, għadhom jeżistu. Čajkovskij reġa’ uża xi idejat minn din l-opra f’xi xogħlijiet oħra.
  4. Reviżjoni ta’ Vakula l-Ħaddied
  5. Traduzzjoni : Il-kompożitur kbir Russu Pëtr Il'ič Čajkovskij qagħad mit-2 sas-16 ta’ Diċembru 1887 f’din il-lukanda fejn ikkompona r-raba’ sinfonija.

[editja] Ħoloq esterni


aa - ab - af - ak - als - am - an - ang - ar - arc - as - ast - av - ay - az - ba - bar - bat_smg - bcl - be - be_x_old - bg - bh - bi - bm - bn - bo - bpy - br - bs - bug - bxr - ca - cbk_zam - cdo - ce - ceb - ch - cho - chr - chy - co - cr - crh - cs - csb - cu - cv - cy - da - de - diq - dsb - dv - dz - ee - el - eml - en - eo - es - et - eu - ext - fa - ff - fi - fiu_vro - fj - fo - fr - frp - fur - fy - ga - gan - gd - gl - glk - gn - got - gu - gv - ha - hak - haw - he - hi - hif - ho - hr - hsb - ht - hu - hy - hz - ia - id - ie - ig - ii - ik - ilo - io - is - it - iu - ja - jbo - jv - ka - kaa - kab - kg - ki - kj - kk - kl - km - kn - ko - kr - ks - ksh - ku - kv - kw - ky - la - lad - lb - lbe - lg - li - lij - lmo - ln - lo - lt - lv - map_bms - mdf - mg - mh - mi - mk - ml - mn - mo - mr - mt - mus - my - myv - mzn - na - nah - nap - nds - nds_nl - ne - new - ng - nl - nn - no - nov - nrm - nv - ny - oc - om - or - os - pa - pag - pam - pap - pdc - pi - pih - pl - pms - ps - pt - qu - quality - rm - rmy - rn - ro - roa_rup - roa_tara - ru - rw - sa - sah - sc - scn - sco - sd - se - sg - sh - si - simple - sk - sl - sm - sn - so - sr - srn - ss - st - stq - su - sv - sw - szl - ta - te - tet - tg - th - ti - tk - tl - tlh - tn - to - tpi - tr - ts - tt - tum - tw - ty - udm - ug - uk - ur - uz - ve - vec - vi - vls - vo - wa - war - wo - wuu - xal - xh - yi - yo - za - zea - zh - zh_classical - zh_min_nan - zh_yue - zu -