Dun Ġorġ Preca
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Dun Ġorġ Preca (1880-1962) u aktar tard wara mewtu fl-2007 Sancti Gorgi Preca - Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, jew kif inhi aktar magħrufa, il-MUSEUM / Mużew.
Werrej |
[editja] Bijografija
Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta fit-12 ta' Frar, 1880. Is-seba' tifel fost disa' aħwa. Kien tifel marradi sa minn ċkunitu iżda xorta għex ħajja twila, studja fil-Liċew meta kien żgħir u mbagħad fis-Seminarju biex sar qassis.
Ftit ġimgħat qabel ġie ordnat qassis, Ġorġ Preca marad gravement tant li t-tabib qata' qalbu milli jsalvah. Iżda Dun Ġorġ fieq u ġie ordnat qassis fit-22 ta' Diċembru, 1906. Dun Ġorġ wara kien qal li l-fejqan tiegħu kien grazzja m'għand San Ġużepp.
[editja] Il-bidu tal-MUSEUM
Darba minnhom, Dun Ġorġ Preca kien għaddej fil-knisja u sema' lis-sagristan jgħallem id-duttrina lit-tfal. Sfortunatament, li kien qed jgħid das-sagristan ma kienx kollu sew u hemm Dun Ġorġ intebaħ li hemm bżonn li jsir xi ħaġa sabiex lin-nies jingħatalhom tagħlim Nisrani kif xieraq. Hu kien diġà beda jikteb lill-Papa San Piju X biex iwaqqaf soċjetà ta' djakni permanenti ħalli jgħinu lill-isqfijiet f'dan il-għan iżda imbagħad spiċċa biex ifforma din is-soċjetà hu billi ġabar grupp ta' żgħażagħ biex ikunu kapaċi jgħallmu 'l-oħrajn.
L-ewwel żagħżugħ fosthom kien Ewġenju 'Ġeġè' Borġ, ħaddiem tat-Tarzna. Dun Ġorġ tah attenzjoni speċjali u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-ħajja ta' Ġesu Kristu skond l-Evanġelju ta' San Ġwann. Ġeġè kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.
Mhux kulħadd fehem mill-ewwel x'ried jagħmel Dun Ġorġ u kien hemm min saħansitra fehmu ħażin. Il-Bibbja u t-teoloġija f'idejn lajċi ħaddiema kienet ħaġa ġdida u kienet wisq aktar ġdida li dawn il-lajċi joħorġu fit-toroq u l-pjazez ixandru l-Kelma t'Alla lil kulħadd. Kellhom jgħaddu 25 sena mit-twaqqif tagħha sabiex fit-12 t'April 1932, l-Isqof ta' Malta, Dom Maurus Caruana OSB approva r-Regola u s-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.
Id-Djar għat-tagħlim nisrani bdew jiftħu waħda wara l-oħra fil-parroċċi. Inħass il-bżonn kbir ta' l-edukazzjoni reliġjuża tal-poplu għax il-ħajja nisranija tal-kotra kienet mibnija fuq is-sagramenti u d-devozzjonijiet bla ma kien hemm għeruq sodi fit-tagħlim tal-Knisja. It-tfal bdew jiġu kuljum fid-Djar ta' Dun Ġorġ għax hemm sabu nies dedikati li jgħinuhom jikbru, mhux biss fil-ħinijiet tat-tagħlim iżda wkoll waqt il-logħob.
Sa mill-bidu nett, Dun Ġorġ obbliga lill-katekisti tal-MUSEUM li kuljum, wara li jkunu temmew jgħallmu liż-żgħar u lill-kbar, jiltaqgħu flimkien għal siegħa ta' formazzjoni (L-Assenjatur).
Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjetà tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu bagħat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-tagħlim u skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Perù, f'Londra u fl-Albanija.
[editja] Kotba u Talb
Dun Ġorġ ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f'Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-pubblikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-mija u ħamsin.
It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika medhija tfittex lil Alla biss. Mhux ta' b'xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex fejjaq lil xi wħud. Il-Misteri tad-Dawl li huma meħudin minn talb privat li Dun Ġorg kien ta lis-soċji biex jingħad minnhom privatament b' xi tibdil żgħir ġew miżjuda mal-misteri l-oħra tar-Rużarju mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-2002.
Dun Ġorġ mhux darba u tnejn li fil-kitbiet tiegħu, minflok l-isem tiegħu kien iniżżel 'Patri Franku'. Dan huwa l-isem li Dun Ġorġ kien ħa bħala Terzjarju Karmelitan, meta nkiteb Terzjarju fl-1918, u pprofessa fl-1919. Permezz tal-kanonizzazzjoni ta' Dun Ġorġ, dan il-qaddis spiċċa mhux biss biex ikun l-ewwel Malti dikjarat qaddis, imma wkoll l-ewwel Terzjarju Karmelitan dikjarat qaddis.
[editja] Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni
Dun Ġorġ miet fis-26 ta' Lulju 1962 f'Santa Venera, fejn qatta' l-aħħar xhur ta' ħajtu, u kien assistit mill-Kappillan ta' Santa Venera Patri Kilian Azzopardi, Karmelitan. Il-ġisem ippreservat tiegħu jinsab midfun fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża, ħdejn id-Dar Ġenerali tas-Soċjetà, il-Blata l-Bajda. Il-Kawża ta' Beatifikazzjoni tiegħu nbdiet fl-1975 u ġie dikjarat Venerabbli f'Ġunju tas-sena 2000. Dun Ġorġ Preca ġie bbeatifikat fid-9 ta' Mejju, 2001 mill-Papa Ġwanni Pawlu II, fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni fuq il-fosos tal-Furjana.
Il-Kanonizzazzjoni ġiet iċċelebrata f'San Pietru fil-Vatikan nhar il-Ħadd 3 ta' Ġunju 2007. Attendew mal-ħamest elef Malti għal din iċ-ċelebrazzjoni fejn, taħt xita ma taqta' xejn, raw l-ewwel Malti jiġi ddikjarat qaddis.
[editja] Xebh ma' San Ġwann Bosco
Ix-xogħol ta' Dun Ġorġ Preca jixbah ħafna lil dak ta' San Ġwann Bosco
[editja] Ħoloq Oħra
[editja] Bibljografija
- Bonniċi, Alexander (1977) Dun Ġorġ Preca u s-Soċjeta' M.U.S.E.U.M., Reliġjon u Ħajja.
- Bonniċi, Alexander (1977) Dun Ġorġ Preca (1880-1962) : fid-dawl ta' l-ittri tiegħu, M.U.S.E.U.M.
- Bonniċi, Alexander (1980) Dun Ġorġ Preca : ħajja-xiehda-dokumenti : vol. I : żmien ta' prova (1880-1916), M.U.S.E.U.M.
- Bonniċi, Alexander (1981) Dun Ġorġ Preca : ħajja-xhieda-dokumenti : vol. II : l-inkjesta tal-Knisja (1916-1917), M.U.S.E.U.M.
- Bonniċi, Alexander (1989) Dun Ġorġ Preca,1880-1962 : ħajja-xhieda-dokumenti : vol. III, M.U.S.E.U.M.
- Borġ, Ġorġ (2001) Dun Ġorġ : ġrajjiet minn ħajtu, Librerija Preca.
- Camilleri, Natalino (2001) Dun Ġorġ : il-qalba ta` ruħu, Media Centre.
- Fsadni, Mikiel (1995) Dun Ġorġ Preca : f'unjoni kontemplattiva ma' Alla, Pubblikazzjoni Dumnikana.
- Sammut, Frans (2001) Dun Ġorġ, il-bniedem tal-poplu, Dipartiment tat-Tagħrif, Partit Laburista.