Amedeo Modigliani
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Amedeo Clemente Modigliani (12 ta’ Lulju, 1884 – 24 ta’ Jannar, 1920) kien pittur u skultur Taljan, ta' l-iSkola ta' Pariġi.
Werrej |
[editja] Bijografija
[editja] L-ewwel snin
Amedeo Modigliani twieled f’familja Lhudija f’Livorno fit-Toscana. Kien ir-raba’ tifel ta’ Flaminio Modigliani u l-mara tiegħu Eugénie Garsin li twieldet Franza u trabba fil-faqar wara li n-negozju ta’ missieru f’Sardenja falla. Modigliani kien qrib ħafna t’ommu, li għallmitu d-dar sakemm kellu għaxar snin. Wara li qabditu plewrite meta kellu ħdax, baqa jbagħti b’saħħtu u ftit snin wara żviluppa t-tefojde. Ta’ xi sittax reġa’ ħa l-plewrite u mbagħad t-tuberkolożi li fl-aħħar kienet il-kawża ta’ mewtu. Kull darba rpillja mħabba l-ħsieb li ħadet ommu bih. Wara t-tieni marda bil-plewrite, ħaditu ġita ma’ l-Italja t’isfel, Napli, Capri, Ruma u Amalfi u mbagħad l-fuq lejn Firenze u Venezja.
Fl-1898, meta kellu 14-il sena Modigliani beda jistudja l-pittura taħt Guglielmo Micheli f’Livorno stess. Baqa jitgħallem fl-iSkola ta’ l-Arti ta’ Micheli sa l-1900. L-ewwel edukazzjoni formali artistika tiegħu kienet f’atmosfera influwenzata ħafna mill-istili u s-suġġetti ta’ l-arti Taljana tas-seklu 19. Hekk li kien għad baqa' traċċi ta’ din l-influwenza u ta’ l-istudu ta’ l-arti rinaxximentali fl-ewwel xogħlijiet Pariġini tiegħu. Fil-bidu tal-karriera tiegħu, pitturi bħal Giovanni Boldini influwenzawh daqs Toulouse-Lautrec.
Fl-1902 Amedeo Modigliani inkiteb fl-Scuola libera di Nudo ta’ Firenze, u wara sena telaq għal Venezja, fejn kien jattendi l-Istituto per le Belle Arti di Venezia. Kien hemm li Amedeo ipprova għall-ewwel darba d-droga tal-ħaxix u minflok jistudja beda jqatta' ħajtu fil-kwartieri l-iżjed infami tal-belt.
Fl-1906, Modigliani mar Pariġi, li dak iż-żmien kienet il-punt fokali ta’ l-avant-garde, fejn kellu jsir l-epitomu ta’ l-artista traġiku, billi joħloq wara mewtu leġġenda famuża kważi daqs dik ta’ Vincent Van Gogh. Mar joqgħod Le Bateau-Lavoir, komuni għall-artisti bla sold ta’ Montmartre, u malajr reġa’ ntefa' fuq il-pittura, għall-ewwel influwenzat mix-xogħol ta’ Henri de Toulouse-Lautrec, sakemm Paul Cézanne biddilu l-idejat. Fl-aħħar, Modigiliani żviluppa l-istil uniku oriġinali tiegħu ta’ ġenju kreativ, kontemporanju mal-kubisti, imma mingħajr ma kien parti minn dak il-muviment.
Modigliani kien famuż għall-għaġla fix-xogħol tiegħu: jgħidu li kien ilesti ritratt f’seduta waħda jew tnejn. Meta kien ikun lesta pittura qatt ma kien jerġa’ jirtokkha. Ma dan kollu, dawk li kienu jippużawlu kienu jgħidu li meta titpinġa minn Modigliani kont qiesek "tikxef ruħek".
Fl-1909, Modigliani mar lura l-belt ta’ twelidu, Livorno, marid u għajjien imħabba l-ħajja dissoluta li kien jgħix. Imma ma damx ħafna l-Italja u reġa’ lura Pariġi fejn did-darba kera studju f’Montparnasse.
Fil-bidu kien iqies ruħu iktar bħala skultur milli pittur u beda jiskoplixxi biss serjetà wara li Paul Gillaume, merkant ambizzjuż żagħżugħ, beda jinterressa ruħu fl-arti tiegħu u introduċih ma Constantin Brancusi.
L-ikbar ħabib tal-qalb tiegħu kien il-pittur, Maurice Utrillo, li kien għadda mill-istess problemi ta’ l-alkoliżmu li kkaratterizzaw il-ħajja ta’ Amedeo.
[editja] L-iskultura
Meta nħarsu lejn l-iskulturi ta’ Modigliani, malajr nindunaw kemm kien influwenzat mill-arti Afrikana u Kamboġjana, li probabbilment kien ra fil-Musée de l'Homme. L-interess tiegħu fil-maskri Afrikani jidher ċar fil-mod kif kien jittratta l-uċuħ tal-mudelli tiegħu. Dawn jidhru antiki, kważi Eġizzjani, ċatti u jfakkruk fil-maskri, bl-għajnejn kieshom lewż ta’ l-għarusa, ħalq bix-xoffa, imnieħer imtawwal u għonq imġebbed.
Allavolja serje ta’ skultura ta’ Modigliani ntwergħu fis-Salon d'Automne ta’ l-1912, minħabba t-trabijiet li kien itajjar fix-xogħol, it-tuberkolożi marret għall-agħar u kellu jieqaf mill-iskultura fil-ġebel u wara anki fl-injam u beda jikkonċentra fuq il-pittura biss.
Fost ix-xogħlijiet tiegħu ta’ minn isemmi ir-ritratt tal-ħabib tiegħu Chaim Soutine, u r-ritratti ta’ bosta mill-kontemporanji tiegħu li kienu jmorru Montparnasse, bħal Moise Kisling, Pablo Picasso, Diego Rivera, Juan Gris, Max Jacob, Blaise Cendrars, u Jean Cocteau.
[editja] Is-snin tal-gwerra
Meta bdiet l-ewwel gwerra dinjija, Modigliani pprova jidħol fl-armata, imma ma ġiex aċċettat peres li saħħtu kienet ħażina. Forsi kellu xewqa li jmut kmieni billi kien jaf li se jkollu ħajja qasira minħabba saħħtu, u għalhekk kien jixrob bla waqfien u jieħu kwantitajiet kbar ta’ drogi. Magħruf minn ħbiebu bħala "Modì" (li tinħass bħall-kelma Franċiża "maudit" jew "misħut"), Amedeo Modigliani kien raġel gustuż u n-nisa kienu jsibuħ attraenti ħafna. Kien hemm dejjem xi nisa ġejjin u sejrin, sakemm Beatrice Hastings daħlet f’ħajtu. Beatrice baqgħet miegħu għal kważi sentejn u kienet is-suġġett ta’ bosta ritratti, fosthom "Madame Pompadour", u l-vittma ta’ lsienu meta kien ikun fis-sakra. F’sensieħ kien ikun dħuli, mistħi u affaxxinanti, jikkwota l-Dante Alighieri u jirreċta l- poeżji mill-ktieb ta’ Lautréamont, Les Chants de Maldoror, li kien dejjem iżomm kopja tiegħu fuqu. Meta kien jixrob kien jinbiddel għal kollox, isir dimonju, irrabjat u vjolenti, dejjem ifittex il-ġlied kif jidher fid-disin famuż ta’ Marie Vassilieff.
[editja] Jeanne Hébuterne
Fl-1916, Modigliani għamel ħabib mal-poeta u bejjiegħ ta’ l-arti Polakk, Leopold Zborovskiu u martu Anna. Modigliani pinġihom bosta drabi u ħadilhom biss 10 franki r-ritratt. Is-sajf ta’ wara, l-iskultriċi Russa, Ċana Orloffa, laqqitgħu ma’ studenta sabiħa ta’ tmintax-il sena bl-isem ta’ Jeanne Hébuterne, li kienet ippużat għal Foujita. Jeanne kienet minn familja kattolika devota u ġiet toqgħod miegħu mingħajr ma kienu jafu l-familja li f’għajnejhom il-pittur kien derelitt ivvizzjat u agħar minn hekk, kien Lhudi. Għalkemm Jeanne kienet l-imħabba ta’ ħajtu, ix-xenati tagħhom fit-triq saru iżjed famużi mill-istorbju li kien iqajjem Modigliani waħdu meta kien jisker.
Fit-3 ta’ Diċembru 1917, kellu l-ewwel wirja waħdu fil-gallerija Berthe Weill imma l-kap tal-pulizija kien tant skandalizzat bin-nudi ta’ Modigliani li għalaqlu l-esibizzjoni ftit siegħat wara li fetħet.
Wara marru joqgħodu Nizza fejn Jeanne saret tqila u fid-29 ta’ Novembru 1918, tweldithilhom tifla li semmuha Jeanne. Matul dak iż-żmien, għalkemm qatt ma daħħal flus biżżejjed, Modigliani ipproduċa l-pitturi li iktar tard kellhom isiru l-iżjed popolari u apprezzati. Kien ibiegħ xi xogħlijiet imma qatt bi prezz għoli u li kien jaqla kien malajr jonfqu fuq ix-xorb u d-drogi. F’Mejju ta’ l-1919 marru lura Pariġi fejn krew appartament fir-rue de la Grande Chaumière. Meta kienu hemm Jeanne Hébuterne u Amedeo Modigliani pinġew bosta ritratti ta’ xulxin u tagħhom infushom.
[editja] Il-mewt
Għalkemm Modigliani baqa’ jpinġi, saħħtu kienet sejra lura bl-għaġla, u spiss kien jintilef minn sensieh minħabba x-xorb. Fl-1920, wieħed mill-ġirien li kien joqgħod isfel, meta ma’ semgħax ħosshom għal xi ġranet, tela’ fuq biex jara xinhu jiġri u sab ‘l Modigliani fis-sodda jehwden u mqabbad ma’ Jeanne li kienet tqila kważi disa’ xhur. Bagħtu għat-tabib imma għal xejn għax Modigliani kien qiegħed imut bil-meninġite tuberkulari li dak iż-żmien ma’ kienetx titfejjaq.
Modigliani miet fl-24 ta’ Jannar 1920. Għall-funeral marru ħafna nies, fosthom, numru kbir mill-komunitajiet artistiċi ta’ Montmartre u Montparnasse. Jeanne Hébuterne ħaduha toqgħod mal-ġenituri tagħha, fejn qalbha maqsuma bin-niket, ntefet minn tieqa tal-ħames sular, jumejn wara l-mewt ta’ Modigliani. Magħha mietet it-tarbija li kienet tqila biha. Modigliani ndifen fiċ-ċimiterju ta’ Père Lachaise u Jeanne Hébuterne indifnet fiċ-ċimiterju ta’ Bagneux ħdejn Pariġi u baqgħet hemm sa l-1930 meta l-familja tagħha fl-aħħar qablu li tindifen ħdejn żewġha.
Modigliani miet fqir u bla sold—irnexxielu jagħmel esibizzjoni “solo” waħda biss f’ħajtu u kien ipartat il-pitturi ma’ xi ikla f’ristorant. Daż-żmien, Modigliani hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar artisti tas-seklu 20 u x-xogħlijiet tiegħu jintwerew fl-iżjed mużewijiet importanti tad-dinja. L-skulturi rarament jidhru għall-bejgħ u l-ftit pitturi li jinbiegħu iġibu iżjed min 15-il miljun Ewro. Il-pittura Nu couché, f’Novembru ta’ l-2003, ġabet 26.887.500 dollaru.