Web Analytics Made Easy - Statcounter

See also ebooksgratis.com: no banners, no cookies, totally FREE.

CLASSICISTRANIERI HOME PAGE - YOUTUBE CHANNEL
Privacy Policy Cookie Policy Terms and Conditions
Dun Karm Psaila - Wikipedija

Dun Karm Psaila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Dun Karm Psaila (18 ta' Ottubru, 1871 - 13 ta' Ottubru, 1961) huwa l-Poeta Nazzjonali Malti u kiteb l-Innu Malti fl-1945 (?? 1941 ??). Dun Karm twieled f'Ħaż-Żebbuġ (Malta), iben Filippu u Lunzajta (mwielda Pisani). Missieru għadda ħajtu jbaħħar bejn Malta u l-Greċja, fost pajjiżi oħra filwaqt li ommu kienet bidwija. Studja fl-iskola primarja tar-raħal u kompla fis-Seminarju bejn l-1885 u l-18??. Minn hemm kompla jistudja l-Filosofija fl-1888 u t-Teoloġija fl-1890 fl-Università ta' Malta.

Dun Karm ġie ordnat qassis fl-1894. Bejn l-1895 u l-1921 għallem bosta suġġetti fis-Seminarju, fosthom; Taljan, Latin, Ingliż, Aritmetika, Ġeografija, Kosmografija, Storja tal-Knisja u Arkeoloġija Kristjana. Fl-1921 ġie nominat Kanonku Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral. Fl-istess sena ġie maħtur bħala Assistent Librar fil-Librerija Nazzjonali u sentejn wara inħatar bħala direttur tas-circulating libraries, pożizzjoni li żamm sa meta rtira fl-1936.

Dun Karm, pittura ta' Caruana Dingli
Dun Karm, pittura ta' Caruana Dingli

Dun Karm għex il-parti l-kbira ta' ħajtu tas-Sliema sa ma miet. Hu ndifen fiċ-ċimeterju ta' raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ.


Werrej

[editja] Poeta u Kittieb

Fil-poeżiji tiegħu, Dun Karm kien jesprimi ruħu l-aktar f'mumenti ta' solitudni, li dejjem kienu akkumpanjati b'sens ta' spiritwalità. Il-Poeżija tiegħu tixhed ħafna l-ħajja fl-irħula u tiddeskrivi wkoll il-kampanja u l-ambjent rurali ta' żmienu. Fi kliemu Dun Karm jirnexxielu joħroġ il-kultura Maltija bit-tradizzjonijiet tagħha u l-identità tal-Maltin flimkien mal-kultura letterarja bbażata l-aktar fuq ir-romantiċiżmu Taljan.

L-ewwel xogħolijiet tiegħu bit-Taljan jixhdu żogħżija ta' sliem u kalma; wara l-mewt t'ommu beda jgħix fis-solitudni. Meta ddeċieda li jibda juża l-Malti biex jesprimi ruħhu, esplora poetikament l-istorja ta' Malta biex jikkonferma l-kultura u l-identità nazzjonali. Fl-istess ħin, uħud mill-isbaħ poeżiji tiegħu juru vjaġġ interjuri fl-esperjenzi u s-sentimenti tal-poeta. B'hekk irnexxielu jgħaqqad kemm li jħoss hu u l-esperjenzi tiegħu flimkien ma' dawk ta' pajjiżu u niesu. Dun Karm iħares kemm lejn in-naħa personali kif ukoll dik nazzjonali tal-poeżiji tiegħu minn għajn reliġjuża ħafna. Il-kriżi spiritwali f'Il-Jien u lil hinn Minnu hi analizzata b'mod universali għall-bniedem, li tagħti dawl fuq l-eżistenza tal-bniedem u tinsisti fuq il-misteru tar-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem, ħlief għall-fatt li l-bniedem jaċċetta b'mod sħiħ il-qawwa moħbija ta' dan Alla.

A.J. Arberry qaleb madwar 37 poeżija ta' Dun Karm għall-Ingliż. Ġużè Delia qaleb Il-Vjatku għall-iSpanjol u Laurent Ropa qaleb Il-Jien u lil hinn Minnu għall-Franċiż.

[editja] L-Innu Malti

Fl-1921, Dr. A.V. Laferla, id-direttur tal-edukazzjoni, talab lil Dun Karm biex jikkomponi xi versi għal biċċa mużika tal-Mro. Robert Samut. L-innu li ħareġ kien l-Innu Malti, li ndaqq għall-ewwel darba fl-1923. Fl-1941 dan l-innu ġie rikonoxxut bħala l-Innu uffiċjali ta' Malta u riaffermat t'hekk anki fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza .

L-Innu Malti

Lil din l-Art ħelwa, l-Omm li tatna isimha,
Ħares Mulej, kif dejjem Int ħarist;
Ftakar li lilha bl-oħla dawl libbist.


Agħti kbir Alla, id-deh'n lil min jaħkimha;
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa 'l-ħaddiem;
Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.

[editja] Poeżiji bit-Taljan

Qabel l-1912, meta kien għadu student, Dun Karm kiteb biss bit-Taljan. L-ewwel poeżija ippubblikata magħrufha tiegħu hi, La Dignita Episcopale (1889). Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, Foglie d’alloro, ġabra ta’ sebgħa u tletin poeżija li kiteb bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu. Wara ppubblika wkoll Versi (1903), kollezzjoni oħra ta' poeżiji bit-Taljan. Huwa beda sunett li qatt ma temm miktub lid-dittatur Taljan Benito Mussolini. Fil-ktieb Dun Karm: bejn il-Vatikan, id-Duċe u l-Kuruna (1993), il-kittieb Mario Azzopardi jistaqsi għaliex Dun Karm baqa' sieket quddiem il-miżerja tal-Maltin, liema tbatija kitbu u nbgħadu għaliha John Marks, Manwel Dimech u Juann Mamo.

[editja] Poeżiji bil-Malti

Dun Karm kiteb l-ewwel poeżija bil-Malti, Quddiem Xbieha tal-Madonna f'Jannar tal-1912, li dehret fl-ewwel ħarġa tal-perjodiku bil-Malti, Il-Ħabib, mitbugħ mill-Mgr. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi. Minn dak in-nhar 'il quddiem kiteb, sal-1954, kiteb numru kir ta' poeżiji bil-Malti dwar kull aspett tal-ħajja Maltija.

[editja] Xogħol ieħor

Il-kitbiet ta' Dun Karm jinkludu Żewġ Anġli: Inez u Emilia (maqlubha għall-Malti fl-1934 minn rumanz Taljan ta' D Caprile). Minbarra dawn, kiteb ukoll xi xogħolijiet kritiċi. Kiteb ukoll dizzjunarju bejn l-1947 u l-1955 fi tlett volumi, Dizzjunarju Ingliż u Malti

[editja] Il-Hajja

Jidher li hu kien jaqli il- qarabaghli b'zejt tajjeb hafna .Kien ihobb lil mara Marija Darmanin minn Bormla izda Guza Tanti ogbitu aktar.

[editja] Għarfien u unuri

Fl-1921 ukoll, Dun Karm kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u mal-mewt ta' Ġużè Muscat Azzopardi fl-1927, ġie elett president tal-Għaqda u mbagħad editur tal-organu uffiċjali, Il-Malti. Kompla f'din il-pożizzjoni sal-1942 fejn ġie nominat president onorarju għal ħajtu ta' din l-Għaqda. Bħala rikonoxximent għall-kontribut tiegħu fil-letteratura Maltija, ingħata d-Dottorat fil-Letteratura (honoris causa) mir-Royal University of Malta fl-1945 - l-ewwel darba li l-Università tat dan l-unur lil xi ħadd. Sena wara ġie mogħti il-midalja tad-deheb Ġużè Muscat Azzopardi. Ir-reġina Eliżabetta II iddekoratu bit-titlu ta' Kmandant tal-Ordni tal-Imperu Ingliż fl-1956. Fl-1957, il-Gvern Malti tah pensjoni ex-gratia bħala rikonoxximent tas-servizzi tiegħu fil-letteratura Maltija. Matul ħajtu ġie wkoll onorat bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta.

Fl-1957, A.J. Arberry, Professur tal-Għarbi, f'Pembroke College, Cambridge, mar iżur lil Dun Karm f'daru u kiteb hekk fl-antoloġija tiegħu, Dun Karm Poet of Malta:

"Meta ltqajt ma' Dun Karm kien għadu kif għalaq is-sebgħa u tmenin sena. Sibtu, raġel xiħ u fraġli, iżda xorta waħda bil-kmand totali tal-fakultajiet mentali tiegħu. Liebes is-suttana tal-qassis, bil-kurċifiss fuq sidru, ta' impressjoni qawwija tal-vera umiltà Kristjana... Offrieli tazza inbid u tkellimna ta' ħbieb għal aktar minn siegħa... Kien dehrli dak iż-żmien... li dan kien poeta ta' iktar minn importanza lokali, l-arti tiegħu u l-messaġġ tiegħu iridu jilħqu lid-dinja, fejn vera kien jistħoqilhom... Sirt aktar konvint tal-kobor tiegħu."


[editja] Poeżiji

  • Għaliex?

Għaliex tarmih li-Lsien il tatek ommok,
u titlef għaqlek wara Lsien barrani?
Maltija kienet l-ewwel kelma f'fommok
b bil-Malti tkellimt tifel daħkani.


U kiber miegħek dal il-Lsien ewlieni,
u ġmielu ntiseġ mal-ġrajjiet ta' ħajtek:
bih fissirt qalbek meta sfajtli hieni,
bih fissirt għommtok meta mbikki rajtek.


Għaliex immela tiċħad, Malti ħija,
lil dan il-Lsien li bih int Malti sewwa?
Ħobb, jekk jiswewlek, l-Ilsna barranija,
iżda le tbarri lil min hu ta' ġewwa.


  • Lil Mikiel Anton Vassalli

Kont għadni, nista' ngħid, ċkejken tarbija
meta ktieb il-ġrajjiet ħabbibni miegħek,
għax fik għaġbitni l-ħila barranija,
u l-kelma sħieħa bħall-egħruq ta' driegħek.


Iżda kif ġejt fuq l-għatba tar-rġulija
u xtaqt inbus lil dak li qatt ma tmiegħek,
u fittixt, imm' għalxejn, fuq l-art Maltija
ħaġra li turi fejn hu l-qabar tiegħek,


jien regħ't u bkejt, għax rajt kemm kienet xħiħa
miegħek din l-art li int ħabbejt fis-sewwa,
b'imħabba safja u bla nuqqas sabiħa;


għax tajfitna b'għemilek sfat mirquma,
u għall-qawwa li wrejt quddiem l-egħdewwa
kienu jitkabbru bik Atene u Ruma.


  • Lill-Kanarin Tiegħi (1915)

X’kien li laqqgħana f’din id-dar hekk ħiemda
Inti forsi ma tafx, għasfur lelluxi;
U anqa taf il-għaliex, meta jien noħroġ
Għax-xogħ’l fil-għodu, il-bieb niġbed warajja
U bil-moftieħ insakkru, u l-beda mixi
U l-ebda nifs ma tisma’, qabel narġa’
Indawwar il-moftieħ u nidħol jiena.
Aħjar għalik ma tafx; hekk ebda sehem
F’għommti ma tieħu, u bejn il-jiem u l-iljieli
Tgħaddi bla niket xejn il-ħajja tiegħek.


Kif jibda jroxx id-dawl narak tistenbaħ,
Għasfur lewn il-lellux, u ċ-ċkejkna rasek
Toħroġ minn taħt il-ġwienaħ fejn tkebbibha
Awl il-lejl, meta x-xemx tinżel u int tiskot
U titħejja biex torqod; dlonk tmedd riġlek
Fuq il-qasba ħdejn l-ieħor u titfarfar,
Tinżel tnaqqar xi qanba u fis il-ħlewwa
Ta’ leħnek tibda ddoqq ġewwa widnejja
Li kulma tmur titqawwa. Iżżiġġ u taqbeż
Bejn għanja u oħra u mal-ħadid li jagħalqek
Taqbad bir-rqaq difrejk, u terħi u tarġa’
Għal fuq qasba bla ma tehda ; u l-ħeffa
Ta’ riġlejk u ġwenħajk, il-ħarsa, il-għanja
Juru li kulma fik hu hena u saħħa.
Bi ħlewwa li ma bħalha tħares lejja
Meta nersaq niex nagħalfek. Int tagħrafni,
Nifhmu wisq tajjeb; u għalhekk taħmilni,
Bla ma titnaffar xejn, niftaħ il-bieba
Tal-qafas tiegħek u l-kejliet inneħħi
Ta’ l-ikel u tax-xorb biex nimlihomlok;
U b’għajta sħiħa, donnok trid tiżżini
Xi ħajr talli ħsibt fik, tarġa’ tilqagħni
Meta nagħlaq il-bieba u nerġa’ ndendlek
F’dik in-naħa tad-dar fejn bard ma jaħqrek
U ftit tax-xemx iżżurek. Għalxejn nersaq
Xi drabi ħiemed fuq subgħajn riġlejja
Biex naqbdek rieqed jew għażżien ; minn tlugħek,
Ja xemx, sa nżulek, l-ebda serħ u l-ebda
Għeja ma tagħmel bik. Xi ġmiel ta’ ħajja,
Tgħix bla ma taħseb x’ikun għada u liema
Għilt u ġlied qed isir barra minn darek!


Iżda ma ngħirx għalik, għasfur lelluxi,
Għalkemm ħajtek togħġobni. Iżjed fil-għoli
Mill-ħajja ta’ din l-art it-tama tiegħi.
Naf illi bosta drabi l-ħobż li niekol
Huwa mxarrab bid-dmugħ, u flok il-kelma,
Xi darba bla ma rrid, toħroġ tnehida,
Għaliex fejn żrajt il-ward kiber bil-kotra
Xewk u għolliq, u min bi mħabbtu safja
Sata’ jsabbarni, intemm qabli ġo qabar;
Imma naf illi d-dmugħ miżrugħ fid-dinja
Irodd ferħ fis-smewwiet, u wara dina
Il-ħolma li ngħidulha ħajja, tiġi
Il-qawma mill-imwiet fid-dawl ta’ dejjem.


Hekk ngħixu mela t-tnejn, għasfur lelluxi:
Int hieni bik innifsek u bi mħabbti;
Jien bit-tama li f’qalbi Alla nissilli.


  • Il-Vjatku(1915)

Kollox dlam ċappa, żiffa kiesħa tvenven
Ġox-xquq tat-twieqi u fuq il-ħġieġ imsakkar,
Ix-xita rqiqa, bla ma tehda, ittektek,

U mill-imwieżeb

L-ilma jċarċar fit-toroq. Fuq iż-żlieġa
Ta’ l-art imxarrba ’l hawn u ’l hinn tinkiser
Id-dija ħamra tal-fanali, u donnha

Għar-rqad tistiednek .

Kemm tmedd il-ħarsa ħadd ma jidher barra;
Xi waqt jinstama’ mixi mgħaġġel; tgħaddi
Xbiha sewda fit-triq u tgħib; xi roti

Fil-bogħod igergru.

Fil-ħin nisma’ kemm kemm leħen qanpiena;
― Drajtu biżżejjed dak il-leħen ― jersaq
U kulma jmur jitqawwa. F’daqqa waħda

Nilmaħ jitħarrku

Xi dwal, tnejn tnejn … Resqin … man-naħa l-waħda
U ma’ l-oħra tat-triq jitqassmu; iħeffu,
Quddiem, it-tfal fin-nofs tmewweġ tħammar

Bandiera ċkejkna.

Qegħdin joqorbu sew … beda jinstama’
Il-leħen tal-qassis u tan-nies l-oħra; jidhru
Id-dawl fit-twieqi, wara l-ħġieġ, u f’nofshom

Nies għarkobbtejhom.

Għaddej Ġesù … bil-lejl, fir-riħ, fix-xita!
Kollu ħniena u mogħdrija, kollu mħabba,
Sejjer iqawwi l-qalb u r-ruħ ta’ msejken

Fl-aħħar taqbida.

Nistħajjel miegħu għaddejjin, moħbija
Għall-għajnejn tal-bnedmin, anġli bil-qtajja’
U Lilu jfaħħru li f’daqsxejn ħobż abjad

Il-kobor tiegħu

Għalaq u ħeba, u b’għira mqaddsa jżiġġu
Għall-hena ta’ min bih jixba’ u jitwettaq.
Għadda Ġesù … warajh baqgħet bħal fwieħa

Ħelwa tal-ġenna.

Oh tagħlim il-Feddej! Oh Emmna mqaddsa!
Kemm intom sbieħ! Kemm fikom għerf tas-sema!
Oh Tjieba ta’ bla tarf, int biss stajt tagħmel

Dal-ġenn ta’ mħabba!

Deh, meta l-jiem ta’ din il-ħajja għalija
Ikunu waslu biex jintemmu, u mdejjaq
Taħt il-ħakma tal-mewt, kollu nistħajlu

Ħolma l-imgħoddi,

Ikun bil-lejl, ikun bin-nhar, fix-xitwa
Jew fil-qilla tas-sajf, hekk, ja Mulejja,
Ejja żurni, bit-tfal tnejn tnejn, bil-leħen

Li jitlob ħniena.

L-aħħar Ħabib, ejja ġo sidri, u qiegħed
Qalbek fuq qalbi u minn kull dnub saffiha.
Miegħek mgħannaq, Ġesù, naqbad bla nibża’

It-triq ta’ dejjem.



  • Quddiem Xbiha tal-Madonna (1912)

Hekk kont sabiħa meta rajtek darba
F’ħolma, fil-hena taż-żgħurija tiegħi;
Kont rieqed waħdi f’sodda ċkejkna, mwarrba,
U Int mis-sema nżilt u qgħadt ftti miegħi.

Sbiħ il-jum, għejb ix-xemx, flimkien imxierka,
M’għandhomx lewn ħelu bħal wardiet ħaddejk;
Tisboq kull dija tas-smewwiet, o Mbierka,
Il-leħħa rżina minn ta’ ħbub għajnejk.

Warda li tbexxaq fiż-żernieq ta’ Mejju
Tixbaħ id-daħka ta’ xofftejk, ħanina,
Fil-ħin li miegħek tħaddan, tfajjel ħlejju,
Il-kbir Feddej, li bata u miet għalina.

Għajnejh miksura f’nagħsa ħiemda, iserraħ
Ġesù fuq sidrek ir-ras tiegħu żgħira,
Minn qalbu għal qalbek ġid is-sema jferraħ...
Ma’ dwarek l-anġli b’qima jħarsu b’għira.

Imbierka l-id illi pinġietek! Dija
Serqet lill-kwiekeb, ġmiel lill-ward tal-ġonna,
U bih libbsitek, o b’kull ħajr mimlija,
Sultana tas-smewwiet, ħelwa Madonna.

Hekk kont sabiħa, jien niftakar sewwa,
Meta fil-ħolma ta’ żgħuriti lmaħtek;
T’għajnejk, ta’ fommok kienet din il-ħlewwa;
U jien fi mħabbti bl-isem t’omm sejjaħtlek.


  • "Innu Ewkaristiku" (1913) (aqra)
  • "Lil Ħuti l-Maltin" (1921) (aqra)
  • "Lil Ġannina Pisani" (1936) (aqra)
  • "Lill-Madonna tal-Karmnu" (1954) (aqra)
  • Il-Jien u lil hinn Minnu
  • Il-Musbieħ tal-Mużew (1920)

[editja] Ħoloq


aa - ab - af - ak - als - am - an - ang - ar - arc - as - ast - av - ay - az - ba - bar - bat_smg - bcl - be - be_x_old - bg - bh - bi - bm - bn - bo - bpy - br - bs - bug - bxr - ca - cbk_zam - cdo - ce - ceb - ch - cho - chr - chy - co - cr - crh - cs - csb - cu - cv - cy - da - de - diq - dsb - dv - dz - ee - el - eml - en - eo - es - et - eu - ext - fa - ff - fi - fiu_vro - fj - fo - fr - frp - fur - fy - ga - gan - gd - gl - glk - gn - got - gu - gv - ha - hak - haw - he - hi - hif - ho - hr - hsb - ht - hu - hy - hz - ia - id - ie - ig - ii - ik - ilo - io - is - it - iu - ja - jbo - jv - ka - kaa - kab - kg - ki - kj - kk - kl - km - kn - ko - kr - ks - ksh - ku - kv - kw - ky - la - lad - lb - lbe - lg - li - lij - lmo - ln - lo - lt - lv - map_bms - mdf - mg - mh - mi - mk - ml - mn - mo - mr - mt - mus - my - myv - mzn - na - nah - nap - nds - nds_nl - ne - new - ng - nl - nn - no - nov - nrm - nv - ny - oc - om - or - os - pa - pag - pam - pap - pdc - pi - pih - pl - pms - ps - pt - qu - quality - rm - rmy - rn - ro - roa_rup - roa_tara - ru - rw - sa - sah - sc - scn - sco - sd - se - sg - sh - si - simple - sk - sl - sm - sn - so - sr - srn - ss - st - stq - su - sv - sw - szl - ta - te - tet - tg - th - ti - tk - tl - tlh - tn - to - tpi - tr - ts - tt - tum - tw - ty - udm - ug - uk - ur - uz - ve - vec - vi - vls - vo - wa - war - wo - wuu - xal - xh - yi - yo - za - zea - zh - zh_classical - zh_min_nan - zh_yue - zu -