Adrian Grima
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Adrian Grima twieled fl-1968 u huwa attivist, kittieb, poeta kif ukoll għalliem tal-letteratura Maltija fl-Università ta' Malta. Speċjalizza fil-metafora u l-preżenza tal-Mediterran fil-letteratura Maltija, żewġ suġġetti li jgħallem fil-Fakultà ta' l-Arti. Kiseb id-Dottorat, taħt is-superviżjoni tal-Professur Joseph A. Buttigieg u l-Professur Oliver Friggieri, b'teżi dwar ħames metafori li sawru l-immaġinarju nazzjonali fil-letteratura Maltija.
F'Mejju ta' l-2005, Dr. Grima nħatar Kap tal-Kumitat Tekniku għal-Letteratura mill-Kunsill Nazzjonali ta' l-Ilsien Malti u ħa ħsieb l-organizzazzjoni ta' l-ewwel Festival Internazzjonali tan-Novella li sar f'Diċembru. F'Novembru ta' l-istess sena, mexxa simposju Ewropew dwar il-promozzjoni internazzjonali tal-letteratura li sar f'Malta organizzat minn Inizjamed u Literature Across Frontiers. Adrian Grima huwa l-koordinatur ta' l-inizjattiva kulturali Mediterranja Inizjamed, organizzazzjoni li waqqaf flimkien ma' oħrajn fl-1998.
Fl-1999 ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu It-Trumbettier, ġabra ta' poeziji bil-Malti, flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom bl-Ingliż. B'an il-ktieb Grima rnexxielu jasal fit-tieni post fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta' poeżija ppubblikati fl-Ewropa fl-1999. F'Diċembru ta' l-2005 ippubblika The Tragedy of the Elephant, ġabra ta' poeżiji tradotti għall-Ingliż, fis-sensiela Contemporary Maltese Literature in Translation. It-tieni ktieb ta' Dr. Grima ħareġ f'Mejju, 2006 u jismu Rakkmu, isem imnebbaħ minn poeżija li tinsab fil-kollezzjoni stess. Dan il-ktieb huwa kollezzjoni ta' poeżiji miktuba bejn l-1995 u l-2005.
Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f'pubblikazzjonijiet fl-Italja, Franza, Ċipru, l-Iżrael, l-Olanda, l-Awstrija, il-Ġermanja, u Korsika, u qara x-xogħlijiet tiegħu f'Malta, Belfast, Ċipru, Delfi, Katanja, Ruma u The Hague.
Dr. Grima huwa l-editur ta' bosta kotba ta' letteratura kontemporanja bil-Malti. Ipproduċa u ppreżenta wkoll għadd ta' programmi fuq ir-radju.
[editja] Bibljografija
- It-Trumbettier, 1999
- Gżejjer - Letteratra mill-Periferiji, 2001 (editur)
- Gżejjer ta' Diversità Kulturali/Islands of Culutra Identity (flimkien ma' Kevin MacNeil), 2001
- Bliet (u Miti), 2002 (editur)
- F'Kull Belt Hemm Kantuniera, 2003 (editur)
- "Dgħajjes Qodma u Maħmuġin" - Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin, 2004
- Ktieb għall-Ħruq, 2005 (editur)
- It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test, 2005 (editur)
- The Tragedy of the Elephant, 2005
- Rakkmu, 2006