Web Analytics Made Easy - Statcounter

See also ebooksgratis.com: no banners, no cookies, totally FREE.

CLASSICISTRANIERI HOME PAGE - YOUTUBE CHANNEL
Privacy Policy Cookie Policy Terms and Conditions
Ġużeppi De Piro - Wikipedija

Ġużeppi De Piro

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.

Mons. Ġużeppi De Piro
Image:depiro.jpg
Twieled: 2 ta' Novembru 1877
Miet: 17 ta’ Settembru 1933
Post tat-twelid: Imdina, Malta
Fundatur: Soċjeta Missjunarja ta' San Pawl
Edukat: Liċeo , Universita` Rjali ta' Malta

Werrej

[editja] Ħajja

Ġużeppi De Piro twieled fit 2 ta' Novembru 1877, fl-Imdina. Kien is-seba' wieħed fost id-disat aħwa. Jekk f'dak iż-żmien in-nobbli kienu jqisuha ħaġa dispreġjattiva li jmorru jaħdmu, għalihom jidher li kien aktarx daqshekk ieħor diżonorevoli li jibagħtu lil uliedhom f'xi skola. Għall-familja De Piro, għalkemm waħda ta' barunijiet, il-każ jidher li kien differenti.Wara li ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fid-dar tal-familja, Ġużeppi għadda għal-Liċeo.

Familja De Piro (fin-nofs inkwadrat Ġużeppi De Piro)
Familja De Piro (fin-nofs inkwadrat Ġużeppi De Piro)

Hemmhekk baqa' sakemm qagħad għall-Matrikola li permezz tagħha daħal l-Universita` Rjali ta' Malta. Wara kors ta' tliet snin fl-Arti u x-Xjenza, hu beda l-istudju għal avukat. Sa minn tfulitu, De Piro kellu namra lejn l-Arti.Ġużeppi, iż-żagħżugħ pittur, kadett u student, kien qiegħed jagħmel l-ewwel sena ta' studju tal-Liġi. Iżda De Piro kien fuq kollox żagħżugħ li kellu l-għeruq tiegħu f'familja fejn kif stqarr l-Arċisqof Pietru Pace, "...ma kienx jara fiha ħlief eżempji ta' ħajja virtuża".

[editja] Saċerdozju

De Piro kien imtella' fit-talb u fid-direzzjoni spiritwali. Huwa kien ilu lest għas-sejħa minn meta kien għadu tifel żgħir. Hu nnifsu jesprimi bil-kitba tiegħu: "Fit-8 ta' Mejju 1898 wara novena lill-Verġni ta' Pompei, li fiha jiena tlabtha biex tgħinni nagħraf verament ir-rieda t'Alla għalija, jien ħassejt il-qawwa li niddeċiedi fis-sewwa, ċioè favur is-saċerdozju"

Xejn ma waqqfu milli jsegwi din id-deċiżjoni. De Piro kellu n-nobbiltà xi jħalli. Din kienet tfisser fost l-oħrajn it-titlu nobiljari, ħafna proprjetà mobbli u mmobbli, stil ta' ħajja lussuża u komdu, popolarità fis-soċjetà, stima, awtorità, ħafna faċilitajiet,eċċ. De Piro jgħid ukoll x'għenu biex waslu biex isir saċerdot. Fost il-ħdax ir-raġuni favur is-saċerdozju hu jippreżenta waħda li tispjega kollox."Ix-xewqa li ningħata kollni kemm jien lil Alla wara li Hu bata tant għad-dnubiet tiegħi"

Wara li tkellem ma' ommu dwar id-deċiżjoni tiegħu u ġie mgħarraf l-Arċisqof Pace, saru l-arranġamenti meħtieġa u Ġużeppi mar Ruma biex joqgħod fil-Kulleġġ Capranica u jibda l-Filosofija fl-Università Gregoriana. Ċertament meta ċaħad għal ġid materjali, De Piro ma neħħiex minnu l-krejattività, il-kuraġġ, l-enerġija u d-dedikazzjoni li bihom hu kien diġà qed jidħol għal kull biċċa xogħol. Fil-fatt minn ittra li kiteb lil ommu fil-bidu ta' l-istudju tiegħu, jidher li hu kien ippjana li jagħmel għaxar snin Ruma : wara li jlesti l-kors istituzzjonali kellu l-ħsieb li jkompli l-ispeċjalizzazjoni fil-Liġi Kanonika. Hawnhekk, iżda, hu mportanti li wieħed jirreferi għal korrispondenza oħra li nkitbet bejn Ġużeppi u l-familjari tiegħu. Ħames xhur wara li hu kien beda l-Filosofija, u allura sitt xhur wara li kien kiteb lil ommu dwar il-pjan ta' studju, oħtu Tereżina kitbitlu biex tawguralu s-suċċess fl-istudji li kien qed jagħmel. Ġużeppi kiteb lil ommu u bla tlaqliq qalilha: "Nosserva 'l Teresina biex ma toqgħodx tagħmilli ċerti awguri b'tant serjetà. Hemm awgurju wieħed li naċċetta bil-qalb. Dan hu li jien nagħraf tajjeb ir-rieda ta' Alla, u nagħmilha b'mod perfett. Dan għalija jkun biżżejjed". Huwa kien għamel l-ewwel quddiesa fil-15 ta' Marzu, 1902 fil-Kattidral ta' l-Imdina, wara li ġie ordnat saċerdot f'San Ġwann Lateran.

[editja] Fil-ministeru

Fil-Parroċċa tal-Qrendi (1904-1907)

Meta De Piro ġie lura Malta mill-Isvizzera, huwa kien saċerdot żagħżugħ ta' 27 sena. Kien mimli proġetti għall-futur. Fl-istess ħin xejn ma eżita li jistenna ftit aktar biex jista' jpoġġihom fil-prattika. Fil-fatt, meta wasal Malta, flok intefa' għax-xogħol hu għażel li jmur joqgħod għal xi żmien fid-dar li l-familja tiegħu kellha fil-Qrendi. Hu hemmhekk mar biex ikompli jieħu saħħtu imma fl-istess ħin ma qagħadx fil-għażż. Ir-reġistri tiegħu tal-quddies juru li kien iqaddes ta' kuljum fil-knisja parrokkjali. Iżda kien kontribut li De Piro almenu kellu l-ħsieb li jagħti hawnhekk kien marbut mal-formazzjoni kontinwata tal-kleru. Huwa kien ġa ra kif għamel biex ikkuntattja s-saċerdoti tal-parroċċi qrib il-Qrendi u ħejja għalihom programm ta' laqgħat li kellhom jitmexxew minn saċerdoti oħrajn speċjalizzati fil-materji magħżula. Kienet biss ħidma ġdida li ngħatatlu li waqqfitu milli jpoġġi dan il-proġett fil-prattika.

Monsinjur u Dekan tal-Kapitlu Metropolitan ta' Malta (1911-1933)

Monsinjur Ġużeppi De Piro
Monsinjur Ġużeppi De Piro

De Piro kien ipprefera ħidma sempliċi u fqira fl-Istitut ta' San Ġużepp milli jagħmel parti mill-korp diplomatiku tal-Knisja. Biex wasal għal din l-għażla hu niżżel bil-miktub ir-raġunijiet tiegħu. Inġibu l-ewwel tlieta: "(i)Fl-Akkademia ma jmorrux jekk mhux dawk li jistgħu jiftaħru b'nisilhom.(ii) Fl-Akkademia donni nkun qiegħedt ruħi fil-għoli biex ħaddieħor jarani ħalli lili jerfgħani għal xi pożizzjoni tajba ; imma hu tagħlim ċert li Ġesù Kristu għandu preferenza għal dawk li jixtiequ jinħbew. Meta hu għażilni biex inkun ministru tiegħu, lili sabni fost il-midinbin...

Segretarju tal-Arċisqof Mawru Caruana (1915-1918)

Mons.De Piro kien bniedem krejattiv ħafna u enerġetiku biżżejjed biex ipoġġi fil-prattika dak li kien jaħseb fih. Dan kien ġa wrieh fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu. Proprju minħabba f'hekk, wieħed ma tantx seta' jimmaġina li meta l-Arċisqof Mawru Caruana ġie Malta, hu kien sejjer jagħżel wieħed raġel li ħadem u bata fl-istess ħin: Ġużeppi De Piro. Hu kien ħa jagħżlu bħala l-ewwel segretarju tiegħu. Il-ħafna volumi ta' korrispondenza li kien hemm tul it-tliet snin ta' segretarjat ta' De Piro (1915-1918) juru biċ-ċar li hu kien bniedem verament tad-dover. Għalkemm barra din il-ħidma hu kien qed iwettaq diversi xogħlijiet oħra, qatt ma kien iħalli bla risposta lil min jiktiblu. Ir-responsabbiltà tiegħu kienet tidher ukoll fil-fatt li regolarment hu żamm kopji ta' materjal importanti.

Il-Formazzjoni tas-Saċerdoti żgħażagħ (1915-)

Ftit snin wara li De Piro ippjana proġett għall-formazzjoni tas-saċerdoti tal-parroċċi fil-qrib, hu ġie magħżul biex jagħmel parti minn kummissjoni li tieħu ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti żgħażagħ. Kien żmien l-ewwel gwerra dinjija. L-Arċisqof kien jinnota li meta s-seminaristi kienu jiġu ordnati saċerdoti u joħorġu mis-seminarju biex jibdew il-pastorali tagħhom huma kienu qegħdin isibu ruħhom fi problemi kbar. Mawru Caruana rrealizza li dawn il-qassisin novelli kienu jeħtieġu saċerdoti aktar maturi u ta' eżempju tajjeb li waqt li jakkumpanjawhom f'dik l-esperjenza ġdida għalihom ikunu jistgħu jgħinuhom jgħaddu bil-mod il-mod mill-ħajja tas-seminarju għall-ftuħ ta' l-appostolat. Fid-19 ta' Lulju 1915, l-Arċisqof ħareġ digriet li fih wera x'kellu f'moħħu. Hu kien sejjer ikun dak prinċipalment responsabbli tal-proġett. Imma fost il-membri msemmija Mons.De Piro kien qiegħed fl-ewwel post.

Rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina(1918-1920)

Is-Seminarju Maġġuri ta' San Pawl
Is-Seminarju Maġġuri ta' San Pawl

Fit-30 ta' Settembru 1918 l-Arċisqof Caruana għażel u nnomina lil De Piro biex ikun Rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina. Il-kliem tan-nomina hu ċar ħafna: "Aħna nafu tajjeb kemm int bniedem ta' skola, ta' ħajja tajba, u ta' tant merti fid-Djoċesi, speċjalment fl-uffiċju tiegħek ta' Segretarju Ġenerali tagħna : uffiċju li inti qdejtu billi għoġobt, mhux biss lilna, imma wkoll lil dawk kollha li kellhom bżonn tas-servizz tiegħek. Għalhekk lilek,...Dun Ġużepp...nagħżluk u tas-servizz tiegħek. Għalhekk lilek,...Dun Ġużepp...nagħżluk u ninnominawk Rettur tas-Seminarju Maġġuri ta' San Pawl fl-Imdina"

Wara li kien ilu sentejn Rettur tas-Seminarju, fis-27 ta' Awissu 1920, hu talab lill-Arċisqof biex jekk dan ma kienx jaħsibha mod ieħor, lilu jserrħu mill-uffiċċju ta' Rettur. Iżda a parti din it-talba, ir-Rettur bagħat lill-Arċisqof relazzjoni ta' ħdax-il paġna. Fiha hu jagħti rapport dwar id-diversi aspetti tal-ħajja tas-Seminarju Maġġuri. Waqt li għamel hekk, lilna kompla jtina ħliel dwar il-persuna tiegħu nnifsu. Kien żmien diffiċli u ta' ħafna taħbit, iżda De Piro wera li jrid jagħmel impenn f'ħajtu u f'xogħlu. Wara il-ħidmiet kbar ta' De Piro, huwa ġie ppreżentat fost l-oħrajn bħala membru ta' l-Assemblea Nazzjonali li fl-1919 bdiet taħdem għat-tifsil ta' Kostituzzjoni adegwata għal Malta. F'din l-istess sena, ta sehmu fil-kisba tal-paċi waqt il-kwistjoni tas-Sette Giugno.

Il-Gudja flok il-Kappillan (1922)

Minħabba tilwima bejn żewġ fratellanzi dwar statwa, il-Vigarju Kurat Dun Nikol Aquilina kellu jitlaq mill-parroċċa qisu maħrub. Il-Paroċċa sfat magħluqa. Kien hemm saħansitra il-kawża l-Qorti. L-Arċisqof għamel xhar sħiħ jipprova jsib min jista' jieħu r-responsabbiltà tal-Parroċċa. Ċertament f'din is-sitwazzjoni ħadd ma nstab li jista' jmexxi. Proprju minħabba f'hekk, l-Arċisqof ftakar f'Mons. De Piro. Dan is-saċerdot, sentejn qabel, kien talab li jitnaqqaslu x-xogħol fid-Djoċesi speċifikament biex jista' jingħata aktar għas-Soċjetà li kien waqqaf fl-1910. Issa meta l-Arċisqof kien qed jurih xewqtu dwar il-Gudja, għalkemm ir-responsabbiltajiet mhux naqsu kienu iżda żdiedu, hu mhux talli ma rrifjutax imma mar immedjatament u miegħu ħa tnejn mill-ftit membri tas-Soċjetà tiegħu.

De Piro ta kull għajnuna lil Dun Nikol Abdilla, il-kappillan il-ġdid. Malli l-qagħda rranġat xi ftit, De Piro telaq mingħajr ebda pretensjoni. Ħidmietu f'dik il-parroċċa kienet lesta.

[editja] Ministru tal-Kelma u tas-Sagramenti

B'dak li ġa ingħad u dak li għad irid jissemma wieħed jasal jikkonkludi li Mons. De Piro altru li kien qiegħed jagħti s-sehem mistenni minnu. Fl-istess ħin, il-Qaddej ta' Alla jidher li kien iħoss li ma kienx ikun jgħin biżżejjed il-vokazzjoni saċerdotali tiegħu jekk ma jħaddimx il-ministeru tal-predikazzjoni. Għad irridu ngħidu li hu pprova jgħix b'mod sħiħ il-mandat ta' Ġesù Kristu :"Morru fid-dinja kollha, xandru l-bxara t-tajba"

Fiż-żmien meta kien għadu seminarista, De Piro ma tantx kien juri li kien sejjer ikun kapaċi jippriedka. Kien ibati minn infjammazzjoni fi griżmejh li barra li kienet qed tikkaġunalu l-uġigħ kienet qed toħloqlu diffikultajiet biex jitkellem. Għalkemm biż-żmien hu ħeles minn din il-marda, meta kien il-Qrendi bħala saċerdot novell hu kien għadu jbati l-konsegwenzi tat-T.B. Kien għadu jibża' jaċċetta l-offerta li kien jagħmillu Mons. Debono, id-Direttur ta' l-Opra tal-Missjoni, biex jingħata għall-predikazzjoni fil-parroċċi ta' Malta. Madankollu meta għadda ftit żmien hu rebaħ din il-biża u, għalkemm mhux ma' Mons. Debono, daħal b'dedikazzjoni għal dan l-appostolat.

Il-predikazzjoni ta' Mons. De Piro kellha b'mod ċar il-karatteristika pastorali; bil-kelma tiegħu hu ried jgħin lis-semmiegħ jersaq dejjem iktar lejn Alla
Il-predikazzjoni ta' Mons. De Piro kellha b'mod ċar il-karatteristika pastorali; bil-kelma tiegħu hu ried jgħin lis-semmiegħ jersaq dejjem iktar lejn Alla

F'ħajtu De Piro għamel ħiltu biex xogħlu ikun dejjem eżatt u organizatt. Fil-fatt fl-Arkivji tas-Soċjetà għad hemm merfugħin priedki li hu kien jikteb, diversi drabi mill-bidu sa l-aħħar, qabel jgħaddihom lill-udjenza. Għad hemm sal-lum it-total ta' mitejn u tnax, iżda li wħud mill-kitbiet mhumiex kompluti; juru li magħhom kien hemm aktar materjal. Oħrajn jagħmlu referenza għal xi waħda li tkun ġa saret imma li fil-fatt illum ma tinsabx mal-kollezzjoni. Huwa kien jerfagħhom klassifikati ġo files, priniċipalment skond il-kwalità tagħhom. Fuq quddiem tal-preidka mhux darba u tnejn kiteb lil min kien ser jagħmilha jew anki jiddedika, fejn, meta u lil min. Għalkemm meta jippriedka hu kien juża l-Malti, il-preparazjoni miktuba kienet issir bit-Taljan, il-lingwa l-aktar faċli għal De Piro.

Ġeneralment dawn il-priedki kienu jkunu marbutin sew mal-liturġija tal-Ħadd kif ukoll mal-eżerċizzi tar-Randan. Ġieli kien mitlub li jippriedka f'okkażżjonijiet aktar speċjali u solenni bħalma kienu l-Kungress Ewkaristiku ta' l-1913, iċ-ċentinarju ta' San Franġisk t'Assisi jew Sant' Antnin ta' Padova.

[editja] Ċittadin li ħabb lil Pajjiżu

Ġa ngħad li wara li Mons. De Piro ġie magħżul Rettur tas-Seminarju Maġġuri ta' Malta u beda' għaddej iż-żmien, hu beda jħoss li ma kienx possibbli għalih li jwettaq dik ir-responsabbiltà sewwa waqt li jibqa' jmexxi d-diversi ħidmiet li kellu f'dak l-istess żmien. Fit-talba ta' l-eżonerazzjoni, li hu għamel lill-Arċisqof fis-27 ta' Awwisu 1920, hu jsemmi : "...l-Istitut għall-Missjonijiet Barranin." Imma minn barra s-Soċjetà reliġjuża-missjunarja li hu kien waqqaf u li kien qed jidderieġi, kellu ħafna ħidmiet oħrajn. Fost dawn semmejna s-sehem li ta fil-ħajja politika ta' Pajjiżna.

Membru ta' l-Assemblea Nazzjonali (1918-1921)

L-Assemblea Nazzjonali
L-Assemblea Nazzjonali

Fit-23 ta' Novembru 1918, it-Tabib Sir Filippo Sceberras ħa f'idejh l-Organizzazzjoni li kellha tieħu ħsieb dak kollu li kien meħtieġ biex Malta tasal ikollha Kostituzzjoni. It-Tabib Sceberras ma riedx li biċċa xogħol bħal din tiġi f'idejn il-politiċi. Allura huwa għamel sejħa lil kull assoċċjazzjoni ta' Malta u Għawdex biex huma jibagħtu r-rappreżentanti tagħhom. Fost l-erba' Monsinjuri li dehru għall-Kapitlu tal-Kattidral ta' Malta kien hemm Mons. De Piro.

L-Assemblea Nazzjonali li sejjaħ Sceberras, iltaqgħet ħames darbiet bejn il-25 ta' Frar 1919 u s-27 ta' Marzu, 1921. Imma fis-7 ta' Ġunju 1919, il-membri ta' l-Assemblea li kienu jgħoddu mitejn u sebgħin, iddeċidew li jintgħażel rappreżentant wieħed għal kull sezzjoni mportanti u dawn jiffurmaw Kummissjoni Ċentrali, dejjem għat-tifsil tal-Kostituzzjoni. Il-membri li ntgħażlu kienu ħmistax biss. Fost dawn kien hemm mill-ġdid Mons. De Piro biex jirrappreżenta l-Kapitlu tal-Kattidral ta' Malta, u fl-aħħar mill-aħħar lill-kleru kollu ta' pajjiżna.

Din il-Kummissjoni ltaqgħet erbatax-il darba. Ovvjament bħalma jiġri f'laqgħat bħal dawn, il-ħin ma kien ifisser xejn għax dawn is-seduti kienu jieħdu fit-tul. Iżda l-impenn ta' De Piro ma jitfissirx biss mill fatt li hu kien jattendi regolarment kemm għal-laqgħat ta' l-Assemblea kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni Ċentrali. La kien qiegħed jirrappreżenta l-Kapitlu tal-Kattidral, allura qabel il-laqgħat imsemmija kien jeħtieġlu li jiltaqa' mal-Monsinjuri ħalli magħhom jara x'kellu jingħad lill-Assemblea jew lill-Kummissjoni. Wara l-laqgħat ta' dawn ta' l-aħħar kien ċertament jerġa jiltaqa' mal-Kapitulari biex jaġġornahom. Ma' dawn ċertament kien irid jagħmel ħafna riċerki waħdu. Meta twaqqfet is-Sotto Kummissjoni biex tistudja speċifikament ir-Reliġjon fil-Kostituzzjoni, għalkemm De Piro ma kienx membru, hu ħa ħsieb li jwassal il-proposti tal-Kapitlu tal-Kattidral u ressaqhom b'dik il-ħeġġa kollha li ma kienitx għajr il-prodott ta' twemmin sħiħ. Mill-ġdid dan kollu kien ifisser ħafna sigħat ta' xogħol fil-moħbi.

Strument ta' paċi fil-ġrajja tas-7 ta' Ġunju (1919)

Iżda dawn il-laqgħat kollha, bil-preparazzjoni għalihom u kultant b'laqgħat oħra mal-Kapitlu li hu kien jirrappreżenta, ma kinux kollox. Proprju waqt il-laqgħa tas-7 ta' Ġunju, it-tieni waħda ta' l-Assemblea, daħlet bħal feles l-istorja iebsa u delikata tas-Sette Giugno. Xi uħud mill-Maltin, miġbura fil-Belt Valletta, telgħu fis-Sala tal-Giovine Malta u xtaqu li l-mitejn u sebgħin membru ta' l-Assemblea jintervjenu għalihom quddiem il-Gvern Ingliż. Dan, iżda, ma seħħx."Bi ftit ta' diffikultà", jgħid il-Konti Caruana Gatto, "ġiet iffurmata delegazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-membri fittxew okkażżjoni biex iwarrbu minn dak ic-Ċirkolu". De Piro ma kienx minn dawn ta' l-aħħar. Flimkien ma' l-Avukat A. Caruana Gatto nnifsu, l-Avukat Serafin Vella, Dun Nerik Dandria, il-Kunsillier G. Vassallo u Salvu Zammit Hammet, De Piro ħabrek bla waqfien u għal tlett ijiem sħaħ biex jinkisbu xi drittijiet li għalihom kienu qed jiġġieldu l-Maltin...u fuq kollox il-paċi. Meta, wara dawn il-ġrajjiet twaqqfet Kummissjoni ta' Nkjesta biex tisma' x-xhieda, De Piro kien wieħed minn dawk li ta l-informazzjoni li kellu. Kien attent li jgħid biss id-dritt u s-sewwa. La ried ixaqleb lejn l-Ingliżi u lanqas lejn il-Maltin. Barra minn hekk meta x-xhieda kienet tinvolvi persuni, hu qagħad attent li ma jgħid l-ebda kelma żejda. Anke meta dan kien jinvolvi xi inġustizzja li saret lilu personalment hu pprefera li jbatiha u jaħbiha ġo fih bla ma jxandarha. Meta, imbagħad, twaqqaf il-Kumitat "Pro Maltesi Morti il 7 e 8 giugno" biex jgħin lill-familji tal-vittmi, De Piro reġa' ta l-kontribut tiegħu, din id-darba bħala kaxxier.

Strument ta' paċi bejn Lord Strickland u l-Knisja (1930)

La l-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921 u lanqas l-ikkalmar tal-kwistjonijiet tas-Sette Giugno ma kienu t-tmiem tas-sehem li De Piro ta fil-ħajja politika ta' Malta. F'inqas minn għaxar snin wara dawn il-ġrajjiet huwa kellu jerġa jidħol f'dik li Mons. Dandria qies il-gwerra bħala l-iżjed ħaġa ħarxa li qatt inqalgħet kontra l-Knisja u l-Kleru. Din waslet ħafna problemi kif ukoll mistoqsijiet, il-kwistjoni bejn Lord Strickland u l-Knisja.

Meta fl-1927 Strickland, il-mexxej tal-Partit Kostituzzjonali, ħa l-gvern f'idejh, huwa beda juri d-disapprovazzjoni tiegħu għall-fatt li fl-Assemblea Leġislattiva ta' Malta kien hemm il-qassisin. Fl-1928 din il-kwistjoni ħraxet aktar għax iż-żewġ saċerdoti li kien hemm fl-Assemblea vvutaw kontra l-budget li ressaq Strickland, u allura ma għaddiex. It-tensjoni bejn iż-żewġ naħat kompliet tibker. Wara ħafna problemi u nkwiet, reġa daħal De Piro. Huwa kien l-bniedem li kiseb il-paċi bejn iż-żewġ naħat.

[editja] Mewt

Wara il-ħidmiet kollha li De Piro kien għamel fosthom Direttur ta' l-Istitut Fra Diegu (1907-1933), Direttur ta' l-Istitut ta' San Ġużepp f'Santa Venera (1922-1933), Direttur ta' l-Istitut ta' Ġesù Nazzarenu, Żejtun (1922-1933)u Direttur ta' l-Istitut San Ġużepp, Għajnsielem, Għawdex (1925-1933), wara li sar il-Fundatur tas-Soċjeta' Missjunarju ta' San Pawl, il-Qaddej ta' Alla miet ta' malajr fis-17 ta' Settembru 1933 wara li ħassu ħażin fuq l-artal tal-Knisja ta' San Gejtanu waqt il-Barka Sagramentali, wara li kien mexxa l-purċissjoni tad-Duluri, fil-Ħamrun.

[editja] Is-Soċjeta Illum

Iżda De Piro xorta jibqa simbolu ta paċi, mħabba, u ħidma kif ukoll t'impenn. Is-Soċjeta' iżda baqgħat tikber u waslet sal-lum. Wara Malta u l-Etjopja huma marru fl-Awstralja (1948), fil-Kanada (1959), fil-Perù (1968), fil-Istati Uniti (1973), fil-Pakistan (1981), fil-Italja (1998) u fil-Filippini (1999).

Lingwi oħrajn


aa - ab - af - ak - als - am - an - ang - ar - arc - as - ast - av - ay - az - ba - bar - bat_smg - bcl - be - be_x_old - bg - bh - bi - bm - bn - bo - bpy - br - bs - bug - bxr - ca - cbk_zam - cdo - ce - ceb - ch - cho - chr - chy - co - cr - crh - cs - csb - cu - cv - cy - da - de - diq - dsb - dv - dz - ee - el - eml - en - eo - es - et - eu - ext - fa - ff - fi - fiu_vro - fj - fo - fr - frp - fur - fy - ga - gan - gd - gl - glk - gn - got - gu - gv - ha - hak - haw - he - hi - hif - ho - hr - hsb - ht - hu - hy - hz - ia - id - ie - ig - ii - ik - ilo - io - is - it - iu - ja - jbo - jv - ka - kaa - kab - kg - ki - kj - kk - kl - km - kn - ko - kr - ks - ksh - ku - kv - kw - ky - la - lad - lb - lbe - lg - li - lij - lmo - ln - lo - lt - lv - map_bms - mdf - mg - mh - mi - mk - ml - mn - mo - mr - mt - mus - my - myv - mzn - na - nah - nap - nds - nds_nl - ne - new - ng - nl - nn - no - nov - nrm - nv - ny - oc - om - or - os - pa - pag - pam - pap - pdc - pi - pih - pl - pms - ps - pt - qu - quality - rm - rmy - rn - ro - roa_rup - roa_tara - ru - rw - sa - sah - sc - scn - sco - sd - se - sg - sh - si - simple - sk - sl - sm - sn - so - sr - srn - ss - st - stq - su - sv - sw - szl - ta - te - tet - tg - th - ti - tk - tl - tlh - tn - to - tpi - tr - ts - tt - tum - tw - ty - udm - ug - uk - ur - uz - ve - vec - vi - vls - vo - wa - war - wo - wuu - xal - xh - yi - yo - za - zea - zh - zh_classical - zh_min_nan - zh_yue - zu -