Gerald Strickland
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Sir Gerald Strickland kien il-mexxej tal-Partit Kostituzzjonali u r-raba’ Prim Ministru ta’ Malta. Twieled il-Belt fl-24 ta’ Mejju 1861, iben Walter Strickland u Louisa Bonici Mompalao. Huwa għamel l-istudji tiegħu f’Malta, l-Italja u l-Ingiterra. Ħadem fis-Servizz Ċivili ta’ l-Imperu Ingliż taħt il-Prim Ministru, Joseph Chamberlain.
Fl-1887 kien elett fil-Kunsill tal-Gvern u fis-sena ta’ wara kien nominat Chief Secretary. Huwa baqa’ jokkupa din il-kariga sa l-1902 meta kien nominat Gvernatur ta’ Leeward Islands u anki Gvernatur ta’ Tasmanja, f’Western Australia u New South Wales. Fl-1917 reġa’ lura Malta u waqqaf l-Anglo-Maltese Party li ftit wara ngħaqad mal-Maltese Constitutional Party u sar il-Partit Kostituzzjonali taħt it-tmexxija tiegħu. Huwa kien Kap ta’ l-Oppożizzjoni bejn l-1921 u l-1927 – tliet Leġislaturi. Wara l-Elezzjonijiet tal-1927 il-Partit tiegħu flimkien mal-Partit Laburista kellhom il-maġġoranza, sar il-ftehim tal-Compact u Strickland inħatar Prim Ministru bejn Awissu 1927 u Ġunju 1930. Tul din il-Leġislatura Strickland kellu l-inkwiet mal-membri tas-Senat u aktar tard qamet ukoll il-kwistjoni politiko-reliġjuża. Dawn wasslu għas-sospensjoni tal-Kostituzzjoni fl-1930.
Ħeles minn attentat fuq ħajtu meta persuna ppruvat tassassinah minn ftit passi ‘l bogħod minnu, iżda ma laqtitux. Sir Gerald Strickland kien ukoll Ministru tal-Ġustizzja bejn April 1929 u Ġunju 1932 u Novembru 1933, Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Wara l-għoti mill-ġdid tal-Kostituzzjoni fl-1939, Strickland kien il-mexxej tal-maġġoranza fil-Kunsill tal-Gvern. Huwa miet fid-dar tiegħu f’Ħ’Attard, fit-22 ta’ Awissu, 1940.
Predeċessur: | Prim Ministru | Suċċessur: |
---|---|---|
Ugo Pasquale Mifsud | 1927–1932 | Ugo Pasquale Mifsud |