Enċiklopedija
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Enċiklopedija hija kitba li tinkorpora għadd ta' informazzjonijiet maqsumin f'numru kapitli b'ħafna definizzjonijiet. It-terminu letterarju enċiklopedija hu derivat minn kelma Griega li tfisser "ċirku t' informazzjoni"; f'xi każijiet tista' tfisser ukoll "edukazzjoni miġmugħa flimkien". Mhux ta' b'xejn li ħafna enċiklopediji jissejħu ukoll Ċiklopediji, għax dawn iż-żewġ terminoloġiji huma interkambjabli.
L-Enċiklopediji jistgħu jagħtu informazzjoni ġenerali, kif ukoll ikollhom numru ta' kapitli b'ħafna artikli li jolqtu ħafna dipartimenti ta' l-għerf tal-umanità. Xi eżempji famużi ta' enċiklopediji huma l-Encyclopædia Britannica bil-lingwa Ingliża u l-enċiklopedija Ġermaniża Brockhaus; Jista' jagħti l-każ li dawn l-enċiklopediji jispeċċjaliżżaw f'kampi diversi, (per eżempju enċiklopedija fuq il-mediċina, storja, filosofija, lingwistika, jew liġi). Hemm ukoll eżempji ta' enċiklopediji li jiffokaw biss fuq kampijiet li jiffurmaw parti mil-lat kulturali, etniku, jew mill-perspettiva ta' nazzjon, eżempju ta' dawn huma l-Great Soviet Encyclopedia li tiffoka fuq l-ex stat Sovjetiku, u l-Encyclopedia Judaica li tiftaħ fuq l-istat Iżraeljan.
Ħafna dizzjunarji għandhom ukoll aspetti enċiklopediċi, speċjalment dawk li jiffokaw fuq aspetti partikulari (per eżempju Dizzjunarju ta' l-Opri Arkitettoniċi Maltin, Dizzjunarju ta' termini legali użati f' Malta kif ukoll Dizzjunarju tal-Mediċina).
Kienu ħafna x-xogħlijiet enċiklopediċi li nkitbu matul is-sekli, imma t-terminu enċiklopedija beda l-ewwel jiġi intużat biex jiddeskrivi dawn ix-xogħlijiet sa mis-seklu sittax.
Jekk wieħed jiġġeneralizza, hemm żewġ metodi ta' kif tiġi kklassifikata enċiklopedija, naraw li jew jiġu ikklassifikati f'ordni alfabetizzat,(li jikkonsisti f'numru ta' artikli separati organizzati fl-istess ordni alfabetiku), jew inkella organizzati f' kategoriji ta' ġerarkija. Tal-bidu huma l-iktar komuni, speċjalment fix-xogħlijiet ġenerali.