Derry
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Derry hija belt fl-Irlanda ta' Fuq, u t-tieni waħda fil-kobor wara l-kapitali Belfast. Illum tgħodd madwar 84 elf ruħ, il-parti l-kbira ta' fidi kattolika. Derry hija uffiċjalment ukoll magħrufa bħala Londonderry, liema isem jirreferu għaliha l-Protestanti. Ix-xmara Foyle tgħaddi min-nofs il-belt, u hija l-aktar xmara li tgelgel b'saħħitha fl-Ewropa, tant li hija perikoluża ħafna u mhux tajba għall-għawm. Żewġ pontijiet ewlenin jgħinu sabiex jaqsam ix-xmara, il-Pont Craigavon u l-Pont Foyle.
L-aktar post li jispikka huwa Bogside, in-naħa repubblikana tal-belt, li jemmnu li l-belt għandha tingħaqad mar-Repubblika ta' l-Irlanda. Hawn kien il-post fejn saru rvellijiet u ġlied kbir fl-hekk imsejjaħ Bloody Sunday tal-1972.
Il-belt hija l-ewwel waħda ppjanata fuq sistema ta' gradilja fl-Irlanda, u l-ħitan tagħha bdew jinbnew fl-1613. Huma qatt ma ġew mirbuħa u għaldaqstant Derry hija mlaqqma' The Maiden City. F'dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna tibdil fl-amministrazzjoni.
[editja] Sport
It-tim tal-futbol Derry City F.C., imwaqqaf fl-1928, huwa l-uniku klabb mill-Irlanda ta' Fuq, li jieħu sehem fil-kampjonat tar-Repubblika ta' l-Irlanda. Minħabba l-ġlied ma jaqta' xejn ma' timijiet mill-Irlanda ta' Fuq, dawn kellhom l-grawnd tagħhom, The Brandywell, sospiż għal ħafna snin. Tant li Derry City F.C. kellhom jilgħabu kontra qalbhom ħafna mil-logħob tletin mil 'il bogħod, fil-grawnd ta' Coleraine.
Fl-1985-86 Derry City F.C. ingħaqdu mal-kampjonat tar-Repubblika, u wara ftit bdew iduqu r-rebħ ta' tazzi. Fosthom hemm il-kampjonat fl-1996-7 u t-tazza tal-FAI fl-1995, 2002 u 2006. Anki fl-Ewropa marru tajjeb, meta dan l-istaġun eliminaw lil IFK Goteborg u lil Gretna, qabel ma nqalgħu minn Paris Saint Germain. Huma jilgħabu bi flokk bl-istixxi bojod u ħomor u qalziet abjad.